Aqbeż għall-kontentut

Giacomo Barozzi da Vignola

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Giacomo Barozzi da Vignola
Ħajja
Twelid Vignola, 1 Ottubru 1507
Nazzjonalità Stati Papali
Mewt Ruma, 7 Lulju 1573
Post tad-dfin Panteon
Familja
Ulied
Edukazzjoni
Lingwi Taljan
Studenti
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni arkitett
kittieb
Post tax-xogħol Ruma
Xogħlijiet importanti Knisja ta' Ġesù
Influwenzat minn Baldassare Peruzzi
Moviment Manjeriżmu

Giacomo Barozzi da Vignola (pronunzja: [ˈdʒaːkomo baˈrɔttsi da (v)viɲˈɲɔːla]; twieled fl-1 ta' Ottubru 1507 – miet fis-7 ta' Lulju 1573), spiss imsejjaħ sempliċement Vignola, kien wieħed mill-arkitetti Taljani l-kbar tal-Manjeriżmu tas-seklu 16. Iż-żewġ kapulavuri l-kbar tiegħu huma Villa Farnese f'Caprarola u l-Knisja ta' Ġesù tal-Giżwiti f'Ruma. It-tliet arkitetti li firxu l-istil Rinaxximentali Taljan fil-Punent tal-Ewropa huma Vignola, Serlio u Palladio. Vignola spiss jitqies bħala l-iżjed arkitett importanti f'Ruma fi żmien il-Manjeriżmu.[1]

Giacomo Barozzi twieled f'Vignola, ħdejn Modena, Emilia-Romagna, l-Italja.[2]

Huwa beda l-karriera tiegħu bħala arkitett f'Bologna u sostna lilu nnifsu permezz tal-pittura u billi ħejja mudelli ta' perspettiva għall-artiġjani tal-intarsjar. Huwa għamel l-ewwel vjaġġ tiegħu lejn Ruma fl-1536 sabiex jagħmel tpinġijiet fuq skala ta' tempji Rumani, bil-ħsieb li jippubblika Vitruvius bl-illustrazzjonijiet. Imbagħad François I sejjaħlu lejn Fontainebleau, fejn qatta' l-perjodu bejn l-1541 u l-1543. X'aktarx li hemmhekk iltaqa' ma' sieħbu Bolognese, mal-arkitett Sebastiano Serlio u mal-pittur Primaticcio.

Wara r-ritorn tiegħu fl-Italja, huwa ddisinja l-Palazzo Bocchi f'Bologna. Iktar 'il quddiem ittrasferixxa ruħu f'Ruma. Hemmhekk huwa ħadem għall-Papa Ġulju III u, wara l-mewt tal-Papa, huwa ġie mqabbad mill-familja Papali tal-Farnese u ħadem flimkien ma' Michelangelo, li influwenza ferm l-istil tiegħu (ara t-taqsima "Xogħlijiet" għal dettalji dwar ix-xogħlijiet tiegħu f'dan il-perjodu).

Fl-1558, huwa kien fi Piacenza biex jirrevedi d-disinni tal-Palazzo Farnese, ikkummissjonat minn Margaret tal-Awstrija, il-mara tad-Duka Ottavio Farnese u bint l-Imperatur Karlu V.

Mill-1564 Vignola kompla x-xogħol ta' Michelangelo fil-Bażilika ta' San Pietru fil-Vatikan u bena ż-żewġ koppli subordinati skont il-pjanti ta' Michelangelo.

Giacomo Barozzi miet f'Ruma fl-1573. Fl-1973 il-fdalijiet tiegħu ndifnu mill-ġdid fil-Panteon, Ruma.[2]

Xogħlijiet arkitettoniċi ewlenin

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-ħames ordnijiet minn Regola delli cinque ordini d'architettura ta' Vignola.

Ix-xogħlijiet prinċipali ta' Vignola jinkludu:

  • Villa Giulia għall-Papa Ġulju III, f'Ruma (1550‑1553). Hemmhekk Vignola ħadem ma' Ammanati, li ddisinja n-nymphaeum u karatterisitiċi oħra tal-ġnien taħt it-tmexxija ġenerali ta' Vasari, bi gwida mingħand il-Papa li kellu għarfien kbir u mingħand Michelangelo. Medalja tal-1553 turi l-villa prinċipali ta' Vignola sostanzjalment kif tlestiet, għajr għal par koppli.
  • Villa Farnese f'Caprarola (1559-1573);
  • Villa Lante f'Bagnaia (mill-1566 'il quddiem), inkluż il-ġonna u l-karattertistiċi tal-ilma tagħhom u l-casini;
  • il-Knisja ta' Gesù, Ruma, il-knisja ewlenija tal-Ġiżwiti, li saret sors għall-faċċati tal-knejjes Barokki fis-seklu 17;
  • il-Bażilika ta' Santa Marija tal-Anġli, Assisi (flimkien ma' Galeazzo Alessi);
  • il-Knisja ta' Sant'Andrea f'Via Flaminia, Ruma, l-ewwel knisja b'koppla ovali, li saret xi ħaġa karatteristika tal-Barokk;
  • Palazzo dei Banchi, Bologna;
  • Palazzo Farnese, Piacenza. Dan kien proġett grandjuż ta' palazz enormi fuq skala simili biss għal Palazz tal-Vatikan fl-Italja; il-pjanta rettangolari hija madwar 111-il metru bi 88 metru. Madankollu, il-kostruzzjoni effettiva, kienet tkopri biss inqas minn nofs il-proġett oriġinali ta' Vignola u ma kellhiex ħafna mill-karatterisitiċi arkitettoniċi ppjanati; fost l-elementi neqsin kien hemm parti fuq barra madwar il-ħitan, il-faċċata prinċipali, immudellata fuq l-arkata trijonfali l-antika u b'torri kbir, u teatru fil-bitħa interna l-kbira.
Il-kjostru tal-Università Papali ta' San Tumas ta' Aquino.

Xogħlijiet arkitettoniċi oħra

[immodifika | immodifika s-sors]
  • Il-kjostru prinċipali tal-Università Papali ta' San Tumas ta' Aquino, Angelicum, li qabel kienet il-kunvent tal-Knisja ta' San Duminku u San Sisto, tradizzjonalment tiġi attribwita lil Vignola iżda tlestiet wara mewtu. Għaxar ħnejjiet fuq in-naħat it-twal u seba' fuq in-naħat il-qosra huma mirfuda b'pilastri b'ornamentazzjoni bi stil Toskan li jitilgħu 'l fuq minn bażi għolja. Freġju sempliċi b'triglifiċi u b'metopi lixxi jissepara s-sular t'isfel minn dawk ta' fuq.[3]

Xogħlijiet mhux mibnija

[immodifika | immodifika s-sors]

Bħal bosta arkitetti oħra, Vignola ressaq il-pjanti tiegħu għat-tlestija tal-faċċata tal-Bażilika ta' San Petronju, Bologna. Id-disinni ta' Vignola, flimkien ma' Baldassare Peruzzi, Giulio Romano, Andrea Palladio u oħrajn intwerew f'wirja fl-2001.

Xogħlijiet bil-miktub

[immodifika | immodifika s-sors]
Le due regole della prospettiva prattica, 1682.

Iż-żewġ kotba ppubblikati tiegħu jifformulaw il-kanoni tal-istil arkitettoniku klassiku. L-iżjed wieħed bikri, Regola delli cinque ordini d'architettura ["Kanonu tal-ħames ordnijiet tal-arkitettura"] (ippubblikat għall-ewwel darba fl-1562, x'aktarx f'Ruma), ippreżenta s-sistema prattika ta' Vignola għall-kostruzzjoni tal-kolonni bil-ħames ordnijiet klassiċi (Toskana, Doriku, Joniku, Korinzju u Kompożitu) bl-użu tal-proporzjonijiet li Vignola silet mill-kejliet tiegħu stess ta' monumenti Rumani. Iċ-ċarezza u l-faċilità tal-użu tal-kanoni ta' Vignola wasslu biex fis-sekli ta' wara jsir l-iżjed ktieb ippubblikat fl-istorja tal-arkitettura.[4] It-tieni ktieb ta' Vignola, Due regole della prospettiva pratica ["Żewġ kanoni tal-perspettiva prattika"], ippubblikat wara mewtu b'kummentarju estensiv tal-matematiku Ignazio Danti (Bologna 1583), jiffavurixxi l-perspettiva b'punt wieħed minflok il-metodi b'żewġ punti bħall-kostruzzjoni bifokali. Vignola ppreżenta — mingħajr teoriji mtappna — applikazzjonijiet prattiċi li setgħu jinftehmu minn patrun prospettiv.[5][6]

  • Giorgio Vasari. Le Vite de' più eccellenti pittori, scultori, e architettori (bit-Taljan). Vol. IV (1568 ed.). pp. 94–95.
  • G.K. Loukomski (1927). Vignole (Jacopo Barozzi da Vignola). Les grands architectes (bil-Franċiż). Pariġi. (Monografu standard).
  • Tutto Rinascimento (bit-Taljan). De Agostini. 2011. ISBN 978-88-418-6490-6.
  • Egnatio Danti (2003) [1583]. Les deux règles de la perspective pratique de Vignole (bil-Franċiż). Pariġi: Pascal Dubourg Glatigny. ISBN 2-271-06105-9.
  • Chisholm, Hugh, ed. (1911). "Barocchio, Giacomo" . Encyclopædia Britannica. Vol. 3 (11th ed.). Cambridge University Press. p. 417.
  1. ^ De Agostini 2011, p. 200.
  2. ^ a b Chisholm, Hugh, ed. (1911). "Barocchio, Giacomo" . Encyclopædia Britannica. Vol. 3 (11th ed.). Cambridge University Press. p. 417.
  3. ^ "Chiesa SS. Domenico e Sisto". www.romaspqr.it. Miġbur 2022-10-01.
  4. ^ Vignola, Canon of the Five Orders of Architecture, tradott b'introduzzjoni ta' Branko Mitrovic (New York: Acanthus Press, 1999), p. 17. ISBN 0-926494-16-3.
  5. ^ Marzia Faietti u Massimo Medica, 2001. La Basilica incompiuta: Progetti antichi per la facciata di San Petronio (Ferrara: Edisai).
  6. ^ Gietmann, Gerhard (1913). "Giacomo Barozzi da Vignola" . In Herbermann, Charles (ed.). Catholic Encyclopedia. New York: Robert Appleton Company.