Aqbeż għall-kontentut

Georg Ohm

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Georg Ohm
Ħajja
Isem propju Georg Simon Ohm
Twelid Erlangen, 16 Marzu 1789
Nazzjonalità Renju tal-Bavarja
Residenza Prinċipat ta’ Bayreuth
Mewt Munich, 6 Lulju 1854
Post tad-dfin Alter Südfriedhof
Familja
Konjuga/i Not married
Aħwa
Edukazzjoni
Alma mater Università ta’ Erlangen-Nuremberg
Direttur tat-teżi Karl Christian von Langsdorf
Lingwi Ġermaniż
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni fiżiku
matematiku
għalliem fl-università
Post tax-xogħol Munich
Köln
Impjegaturi Dreikönigsgymnasium (en) Translate
Università ta' Heidelberg
Università Ludwig Maximilian ta’ Munich  (1852 -  1854)
Xogħlijiet importanti liġi ta’ Ohm
Premjijiet
Sħubija Soċjetà Rjali
Akkademja Bavarjana tax-Xjenzi
Akkademja tax-Xjenzi Prussjana
Akkademja tax-Xjenzi ta’ Torino

Georg Simon Ohm (/oʊm/[1], bil-Ġermaniż: [ˈɡeːɔʁk ˈʔoːm][2][3]; twieled fis-16 ta’ Marzu 1789 – miet fis-6 ta’ Lulju 1854) kien fiżiku u matematiku Ġermaniż. Bħala għalliem tal-iskola, Ohm beda r-riċerka tiegħu biċ-ċellola elettrokimika l-ġdida, ivvintata mix-xjenzat Taljan Alessandro Volta. Ohm uża tagħmir maħluq minnu stess u sab li hemm proporzjonalità diretta bejn id-differenza potenzjali (voltaġġ) applikata tul konduttur u l-kurrent elettriku li jirriżulta. Din ir-relazzjoni hija magħrufa bħala l-liġi ta’ Ohm, u l-ohm, l-unità standard tar-reżistenza elettrika, ingħatat kunjomu.

Ħajja bikrija

[immodifika | immodifika s-sors]

Georg Simon Ohm twieled f’familja Protestanta f’Erlangen, Brandenburg-Bayreuth (li dak iż-żmien kienet parti mill-Imperu Ruman Sagru), iben ħaddiem li jaqta’ ċ-ċwievet u jipproduċi s-sokra, Johann Wolfgang Ohm, u martu Maria Elizabeth Beck, bint ħajjat f’Erlangen. Minkejja li l-ġenituri tiegħu ma kinux ingħataw edukazzjoni formali, missier Ohm kien raġel rispettat li eduka lilu nnifsu sa livell għoli u li kien kapaċi jagħti edukazzjoni tajba lil uliedu permezz tat-tagħlim tiegħu stess.[4] Mis-sebat itfal aħwa (inkluż hu stess) li kellu fil-familja, tlieta biss għexu sa ma saru adulti: Georg Simon, Martin, li sar matematiku magħruf sew, u Elizabeth Barbara. Ommu mietet meta kellu għaxar snin.

Mit-tfulija bikrija, Georg u Martin ġew mgħallma minn missierhom li wassalhom għal standard għoli fil-matematika, fil-fiżika, fil-kimika, u fil-filosofija. Georg Simon attenda l-Gymnasium ta’ Erlangen meta kellu 11-il sena sa ma għalaq 15-il sena għalkemm hemm ma tantx irċieva wisq bħala taħriġ xjentifiku, li kien kuntrast jistona mat-tagħlim ispirat li Georg u Martin ingħataw mingħand missierhom. Din il-karatteristika wasslet biex il-familja Ohm tixbaħ lill-familja Bernoulli, kif innota Karl Christian von Langsdorf, professur fl-Università ta’ Erlangen.

Ħajja universitarja

[immodifika | immodifika s-sors]

Missier Georg Ohm, inkwetat li ibnu kien qed jaħli l-opportunità edukattiva tiegħu, bagħtu l-Iżvizzera. Hemm f’Settembru 1806 Ohm aċċetta l-kariga ta’ għalliem tal-matematika fi skola f’Gottstadt bei Nidau.

Karl Christian von Langsdorf telaq mill-Università ta’ Erlangen fil-bidu tal-1809 biex jieħu kariga fl-Università ta’ Heidelberg, il-Ġermanja. Ohm ried jerġa’ jibda l-istudji matematiċi tiegħu ma’ Langsdorf f’Heidelberg. Madankollu, Langsdorf tah il-parir li jkompli l-istudji fil-matematika waħdu, u ssuġġerielu jaqra x-xogħlijiet ta’ Euler, Laplace u Lacroix. Ohm baqa’ sorpriż iżda ħa l-parir tiegħu. Madankollu telaq mill-kariga tiegħu ta’ għalliem fil-Monasteru ta’ Gottstatt f’Marzu 1809 biex isir għalliem tal-privat f’Neuchâtel. Għal sentejn wettaq dmirijiet u ta l-privat filwaqt li ħa l-parir ta’ Langsdorf u kompla jistudja l-matematika waħdu. Imbagħad, f’April 1811, huwa rritorna fl-Università ta’ Erlangen.

Karriera fit-tagħlim

[immodifika | immodifika s-sors]
Mafkar ta’ Ohm fl-Università Teknika ta’ Munich, il-Ġermanja

L-istudji ta’ Ohm stess ħejjewh għad-dottorat tiegħu li rċieva mingħand l-Università ta’ Erlangen fil-25 ta’ Ottubru 1811. Huwa minnufih ingħaqaf mal-fakultà ta’ hemmhekk bħala lettur tal-matematika iżda telaq wara tliet semestri minħabba li l-prospettivi ma kinux promettenti. Huwa ma setax jgħix biss bis-salarju tiegħu bħala lettur. Il-gvern tal-Bavarja offrielu kariga bħala għalliem tal-matematika u tal-fiżika fi skola ta’ kwalità baxxa f’Bamberg li Ohm aċċetta f’Jannar 1813. Huwa ma kienx kuntent bl-impjieg tiegħu, u beda jikteb ktieb akkademiku elementari dwar il-ġeometrija bħala mod biex juri bil-provi l-ħiliet tiegħu. L-iskola ngħalqet fi Frar 1816. Il-gvern tal-Bavarja mbagħad bagħtu fi skola ffullata f’Bamberg biex jagħti daqqa t'id bit-tagħlim tal-matematika. Wara l-assenjar tiegħu f’Bamberg, Ohm bagħat il-manuskritt lest tiegħu lir-Re Wilhelm III tal-Prussja. Ir-re kien sodisfatt bil-ktieb ta’ Ohm, u offrielu kariga fil-Gymnasium tal-Ġiżwiti f’Köln fil-11 ta’ Settembru 1817. Din l-iskola kellha reputazzjoni tajba għall-edukazzjoni fix-xjenza u Ohm kellu jgħallem il-fiżika apparti l-matematika. Il-laboratorju tal-fiżika kien mgħammar sew, u b’hekk Ohm seta’ jibda jagħmel l-esperimenti fil-fiżika. Bħala iben ħaddiem li jaqta’ ċ-ċwievet u jipproduċi s-sokra, Ohm kellu esperjenza prattika bl-apparati mekkaniċi.

Ohm ippubblika d-Die galvanische Kette, mathematisch bearbeitet (Iċ-Ċirkwit Galvaniku Investigat Matematikament) fl-1827. Il-kulleġġ ta’ Ohm ma apprezzax xogħlu u Ohm irreżenja mill-kariga tiegħu. Imbagħad bagħat applikazzjoni u ġie impjegat mill-Iskola Politeknika ta’ Nuremberg. Ohm beda jaħdem hemm fl-1833 u fl-1852 huwa sar professur tal-fiżika sperimentali fl-Università ta’ Munich.[5][6]

Fl-1849, Ohm ippubblika l-Beiträge zur Molecular-Physik, (Dokument dwar il-Fiżika Molekolari). Fid-daħla tax-xogħol tiegħu huwa ddikjara li kien qed jittama li jikteb it-tieni u t-tielet volumi u sostna li "jekk Alla jagħtini biżżejjed għomor, ir-raba’ volum”. Madankollu, malli sab li skoperta oriġinali rreġistrata fih kienet qed tiġi antiċipata minn xjenzat Żvediż, ma riedx jippubblikaha, u stqarr: "L-episodju qanqalli fehim ċar f’moħħi tal-qawl “Il-bniedem jipproponi u Alla jiddisponi. Il-proġett li tani l-ewwel impetu biex inwettaq l-istħarriġ tiegħi sfuma fix-xejn, u ieħor ġdid, mhux magħmul minni, ħadlu postu”.[7]

Ohm miet f’Munich fl-1854 u ġie midfun fl-Alter Südfriedhof. Ġabra tal-ittri tal-familja tiegħu ġiet ikkompilata fi ktieb Ġermaniż, u dan wera li hu kien jiffirma wħud mill-ittri tiegħu bl-espressjoni "Gott befohlen, G S Ohm"[8], li tfisser “Imfaħħar isem Alla”.[9]

Skoperta tal-liġi ta’ Ohm

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-liġi ta’ Ohm dehret għall-ewwel darba fil-ktieb famuż Die galvanische Kette, mathematisch bearbeitet (1827) fejn spjega t-teorija kompluta tiegħu dwar l-elettriku. F’dan ix-xogħol, huwa ddikjara l-liġi tiegħu għall-forza elettromottiva li taġixxi bejn l-estremitajiet ta’ kwalunkwe parti ta’ ċirkwit hija l-prodott tal-qawwa tal-kurrent, u r-reżistenza ta’ dik il-parti taċ-ċirkwit.[10][11]

Il-ktieb jibda fl-isfond matematiku meħtieġ għall-fehim tal-kumplament tax-xogħol tiegħu. Filwaqt li x-xogħol tiegħu influwenza ferm it-teorija u l-applikazzjonijiet tal-kurrent elettriku, dak iż-żmien ma ntlaqax b’mod favorevoli. Ohm jippreżenta t-teorija tiegħu bħala waħda ta’ azzjoni kontigwa, teorija li opponiet il-kunċett ta’ azzjoni fuq distanza. Ohm kien jemmen li l-komunikazzjoni tal-elettriku kienet isseħħ bejn “partikoli kontigwi” li huwa t-terminu li hu stess uża. Ix-xogħol tiegħu huwa bbażat fuq din l-idea, u b’mod partikolari mat-turija tad-differenzi f’dan l-approċċ xjentifiku ta’ Ohm u l-approċċi ta’ Joseph Fourier u Claude-Louis Navier.[12]

Studju dwar il-qafas kunċettwali użat minn Ohm biex wasal għal-liġi ta’ Ohm ġie ppreżentat minn Archibald.[13] Ix-xogħol ta’ Ohm kien jimmarka l-bidu nett tas-suġġett tat-teorija taċ-ċirkwiti, għalkemm dan is-suġġett ma sarx qasam importanti qabel tmiem is-seklu.[14]

Liġi akustika ta’ Ohm

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-liġi akustika ta’ Ohm, li xi kultant tissejjaħ il-liġi tal-fażi akustika jew sempliċement il-liġi ta’ Ohm, tiddikjara li ħoss mużikali jiġi pperċepit mill-widna bħala sett ta’ għadd ta’ tonalitajiet armoniċi puri kostitwenti. Huwa magħruf sew issa li ma tant hi preċiża.[15]

Studju u pubblikazzjonijiet

[immodifika | immodifika s-sors]

L-ewwel xogħol tiegħu fl-1825 eżamina n-nuqqas fil-forza elettromanjetika prodotta minn wajer meta t-tul tiegħu jiżdied. Fl-1826 huwa ta deskrizzjoni tal-konduzzjoni fiċ-ċirkwiti mmudellata fuq l-istudju ta’ Fourier dwar il-konduzzjoni tas-sħana. Dan ix-xogħol kompla jqanqal id-deduzzjoni ta’ Ohm tar-riżultati minn evidenza sperimentali, u partikolarment fit-tieni xogħol tiegħu, huwa kien kapaċi jipproponi liġijiet li rnexxielhom jispjegaw ir-riżultati ta’ oħrajn li kienu qed jaħdmu fil-qasam tal-elettriku galvaniku. L-iktar xogħol importanti tiegħu kien il-fuljett li ppubblika f’Berlin fl-1827, bit-titlu Die galvanische Kette mathematisch bearbeitet. Dan ix-xogħol, li nibet mix-xogħol preċedenti tas-sentejn ta’ qabel fil-ġurnali ta’ Schweigger u Poggendorff, kien influwenza ferm l-iżvilupp tat-teorija u l-applikazzjonijiet tal-kurrent elettriku. Isem Ohm ġie inkorporat fit-terminoloġija tax-xjenza elettrika fil-Liġi ta’ Law (li ppubblika għall-ewwel darba fid-Die galvanische Kette...), il-propozjonalità tal-kurrent u l-vultaġġ f’reżister, u adottata bħala l-unità SI tar-reżistenza, l-ohm (bis-simbolu Ω).

Għalkemm ix-xogħol ta’ Ohm influwenza ferm it-teorija, fil-bidu ma tantx intlaqa’ b’entużjażmu. Madankollu, ix-xogħol tiegħu eventwalment ġie rikonoxxut mis-Soċjetà Rjali u ġie ppremjat bil-Medalja ta’ Copley fl-1841. Huwa sar membru barrani tas-Soċjetà Rjali fl-1842, u fl-1845 huwa sar membru sħiħ tal-Akkademja Bavarjana tax-Xjenzi u l-Arti. Sa ċertu punt, Charles Wheatstone ġibed l-attenzjoni għad-definizzjonijiet li Ohm kien introduċa fil-qasam tal-fiżika.[16]

  • Grundlinien zu einer zweckmäßigen Behandlung der Geometrie als höheren Bildungsmittels an vorbereitenden Lehranstalten / entworfen (Guidelines for an appropriate treatment of geometry in higher education at preparatory institutes / notes)
Erlangen : Palm und Enke, 1817. – XXXII, 224 S., II Faltbl. : graph. Darst.
  • Die galvanische Kette : mathematisch bearbeitet (The Galvanic Circuit Investigated Mathematically)
Berlin : Riemann, 1827. – 245 S. : graph. Darst.
  • Elemente der analytischen Geometrie im Raume am schiefwinkligen Coordinatensysteme (Elements of analytic geometry concerning the skew coordinate system)
Nürnberg : Schrag, 1849. – XII, 590 S. – (Ohm, Georg S.: Beiträge zur Molecular-Physik ; 1)
  • Grundzüge der Physik als Compendium zu seinen Vorlesungen (Fundamentals of physics: Compendium of lectures)
Nürnberg : Schrag, 1854. – X, 563 S. : Ill., graph. Darst. Erschienen: Abth. 1 (1853) – 2 (1854)
  • Biblijografija u dokumenti PDF tal-artikli u tal-kotba kollha ta’ Georg Simon Ohm
  1. ^ "Definition of ohm | Dictionary.com". www.dictionary.com (bl-Ingliż). Miġbur 2021-07-06.
  2. ^ Dudenredaktion; Kleiner, Stefan; Knöbl, Ralf (2015) [l-ewwel pubblikazzjoni fl-1962]. Das Aussprachewörterbuch [The Pronunciation Dictionary] (bil-Ġermaniż) (is-seba’ ed.). Berlin: Dudenverlag. pp. 398, 645. ISBN 978-3-411-04067-4.
  3. ^ Krech, Eva-Maria; Stock, Eberhard; Hirschfeld, Ursula; Anders, Lutz Christian (2009). Deutsches Aussprachewörterbuch [German Pronunciation Dictionary] (bil-Ġermaniż). Berlin: Walter de Gruyter. pp. 536, 788. ISBN 978-3-11-018202-6.
  4. ^ Keithley, Joseph F. (1999). The Story of Electrical and Magnetic Measurements: From 500 BC to the 1940s. John Wiley & Sons.
  5. ^ Ohm, Georg Simon. 20. Miġbur 2021-07-06.
  6. ^ Chisholm, Hugh, ed. (1911). "Ohm, Georg Simon". Encyclopædia Britannica. 20 (11th ed.). Cambridge University Press. p. 34.
  7. ^ Kneller, Karl Alois; Kettle, Thomas Michael (1911). Christianity and the leaders of modern science; a contribution to the history of culture in the nineteenth century. Freiburg im Breisgau, pp. 17–18.
  8. ^ Georg Simon Ohm (2002), Georg Simon Ohm: nachgelassene Schriften und Dokumente aus seinem Leben : mit Schriftstücken seiner Vorfahren und Briefen seines Bruders Martin. Palm und Enke. p. 216; 219.
  9. ^ Leopold von Ranke (1966), History of the Reformation in Germany, Volume 2. F. Unger Publishing Company, p. 467.
  10. ^ Die galvanische kette: mathematisch, Georg Simon Ohm, p. 181.
  11. ^ The galvanic circuit investigated mathematically, Georg Simon Ohm, p. 202.
  12. ^ B. Pourprix, "G. S. Ohm théoricien de l'action contiguë," Archives internationales d'histoire des sciences 45(134) (1995), pp. 30–56.
  13. ^ T Archibald, "Tension and potential from Ohm to Kirchhoff," Centaurus 31 (2) (1988), pp. 141–163.
  14. ^ Belevitch, V, "Summary of the history of circuit theory", Proceedings of the IRE, vol 50, Iss 5, pp. 848–855, Mejju 1962.
  15. ^ Robert Sekuler (1974). "Spatial Vision". In Mark R. Rosenzweig (ed.). Annual Review of Psychology, Vol. 25. Annual Reviews Inc. p. 215. ISBN 978-0-8243-0225-2.
  16. ^ Merz, John Theodore (1903). "A history of European thought in the nineteenth century", pp. 365–366.