Aqbeż għall-kontentut

Dante Alighieri

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Dante Alighieri

Ritratt ta' Dante minn Sandro Botticelli
Ħajja
Isem propju Dante da Alaghiero degli Alaghieri
Twelid Firenzec. 1265
Nazzjonalità Repubblika ta' Firenze
Residenza Firenze
Ruma
Ravenna
Bolonja
Verona
Arezzo
Forlì (en) Translate
Treviso (en) Translate
Lucca
Pariġi
Milan
Genova
L-ewwel lingwa Taljan
Mewt Ravenna, 14 Settembru 1321
Post tad-dfin il-qabar ta' Dante
Quadrarco di Braccioforte (en) Translate
Quadrarco di Braccioforte (en) Translate
Kawża tal-mewt kawżi naturali (malarja)
Familja
Missier Alighiero di Bellincione
Omm Bella degli Abati
Konjuga/i Gemma Donati  (1285 (Gregorian) -
Ulied
Aħwa
Familja
Tribù Alighieri
Edukazzjoni
Lingwi Taljan
Latin
Għalliema Remigio dei Girolami
Brunetto Latini
Cecco d'Ascoli
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni poeta
kittieb
prożatur
politiku
filosofu
teoriku politiku
bniedem intellettwali
lingwista
Post tax-xogħol Firenze
Xogħlijiet importanti Divina Commedia
Convivio
De Monarchia
De vulgari eloquentia
Vita Nuova
Questio de situ et formae aque et terre (en) Translate
Le Rime (en) Translate
Epistles (en) Translate
Eclogues (en) Translate
Influwenzat minn Aristotile
Virġilju
Ovidju
Boezju
Tolomew
Omeru
Tumas t'Akwinu
Sħubija Xirka tat-Tobba u tal-Bejjiegħa tal-Ħwawar
Gwelfi Bojod
Moviment Dolce Stil Novo
Servizz militari
Iġġieldu Battalja ta' Campaldino
Ir-ritratt ta' Dante l-iżjed antik li nafu bih, dettal minn affresch fil-kappella Bargello attribwit lil Giotto di Bondone

Dante Alighieri (Durante degli Alighieri), poeta, politiku u kittieb Fjorentin (twieled bejn l-14 ta' Mejju u t-13 ta' Ġunju[1] [2] 1265 f'Firenze u miet fl-14 ta' Settembru 1321 f'Ravenna).

Dante kien l-ewwel poeta kbir tal-ilsien Taljan, u l-ktieb tiegħu Il-Kummiedja Divina hu meqjus bħala wieħed mill-kapulavuri tal-letteratura universali.

Iż-żgħożija

[immodifika | immodifika s-sors]
Pittura fuq l-injam fil-Gallerija tal-Uffizi Firenze li tirrapreżenta 'l Dante, impittra minn Andrea del Castagno fl-1450.

Nafu li l-familja tiegħu kienet familja importanti Fjorentina, li kienet iżżomm mal-partit tal-Gwelfi u li isimha — fil-forma tagħha oriġinali — kien Alaghieri. Missieru, Alighiero di Bellincione, kien Gwelf abjad, imma ma sofriex il-vendetta tal-Gibellini, wara r-rebħa tagħhom fil-Battalja ta' Montaperti, u dan ta ċertu prestiġju lill-familja. Omm Dante kienet Bella degli Abati; Bella hu d-diminuttiv ta' Gabriella, imma jfisser ukoll "sabiħa". Mietet meta Dante kellu 13-il sena, fl-1278 (missieru miet 5 snin wara fl-1282). Alighiero kien jgħix għal xi żmien ma' Lapa di Chiarissimo Cialuffi (mhux ċert jekk kinux miżżewġin), u kellu żewġt ulied magħha, ħu Dante, Francesco, u oħtu, Tana (Gaetana).

Meta Dante kellu 12-il sena, fl-1277, ġie miftiehem iż-żwieġ tiegħu ma' Gemma, bint Messer Manetto Donati, u wara żżewwiġha. Iż-żwiġijiet miftehmin f'dawn l-etajiet baxxi ma kinux ħaġa rari u għalihom kienet issir ċerimonja importanti li teħtieġ kuntratti uffiċjali ffirmati quddiem in-nutar. Dante kellu tliet ulied minn Gemma: Jacopo, Pietro u Antonia. Antonia daħlet soru bl-isem ta' Sor Beatrice. Ieħor jismu, Giovanni, kien jgħid li kien bin Dante u akkompanjah fl-eżilju imma m'hemm l-ebda prova li kien ibnu.

Ftit nafu dwar l-edukazzjoni ta' Dante; wieħed jista' jippreżumi li studja d-dar. Għadda xi żmien Bolonja u f'Firenze tgħallem fl-iskola Franġiskana ta' Santa Croce, taħt Remiġju dei Girolami tal-iskola Dumnikana ta' Santa Maria Novella u taħt Brunetto Latini. Iltaqa' ma' poeti u beda ħbiberija soda ma' Guido Cavalcanti. Huwa kważi ċert li studja l-poeżija Toskana, fil-mument meta l-iskola poetika Sqallija, grupp kulturali minn Sqallija, bdiet issir magħrufa fit-Toskana. Minħabba l-interessi tiegħu skopra l-menestrelli, il-poeti Provenzali u l-kultura Latina. Jidher ċar li kellu ammirazzjoni kbira lejn Virġilju "Inti l-imgħallem tiegħi u l-awtur tiegħi; inti dak biss li minnu ħadt l-istil sabiħ li għamilli unur.", kiteb fil-Kummiedja Divina (L-Infern — Canto I).

Wieħed irid jenfasizza li fil-Medjuevu l-fdalijiet tal-Imperu Ruman kienu saru mifrudin għal kollox, u baqa' xi tużżana stati żgħar, b'mod li Sqallija kienet imbiegħda (kulturalment u politikament) mit-Toskana daqs li din kienet minn Provenza: ir-reġjuni ma kellhomx l-istess lingwa u l-komunikazzjoni kienet diffiċli.

Nistgħu nissoponu li Dante bħan-nies intellettwali ta' żmienu, kien raffinat u kellu bosta interessi biex ngħidu hekk "internazzjonali".

Beatrice u l-Vita Nuova

[immodifika | immodifika s-sors]
Dante u Beatrice fil-Ġenna ta' Gustave Doré (1832-1883)

Kien fl-1274 li Dante ltaqa' għall-ewwel darba ma' Beatrice. Isimha veru kien Bice di Folco Portinari, iżżewġet lil Simone de Bardi u mietet fl-1290. Ftit nafu fuq l-istorja tal-imħabba tiegħu għal Beatrice, issublimata fil-Vita Nuova (miktuba bejn l-1292 u l-1294) li fiha ddeskriva l-ewwel laqgħa ma' Beatrice, li dak iż-żmien kellha biss disa' snin. Qabel it-tieni laqgħa għaddew disa' snin oħra (spjega iżjed tard it-tifsira simbolika tan-numru disa', in-numru ta' Beatrice). Fil-Vita Nuova Dante ddeskriva l-imħabba tiegħu u d-disperazzjoni li ħass meta mietet Beatrice. Irrakkonta l-kriżi profonda li qabditu, il-ġiri tiegħu 'l hemm u 'l hawn u l-avventura tiegħu ma' "sinjura nobbli" (bla dubju allegorija għall-filosofija), u fl-aħhar l-indima tiegħu. Għalkemm il-Vita Nuova hi x'aktarx ispirata mill-ħajja personali ta' Dante, bosta kritiċi għandhom dubju fuq l-eżistenza vera ta' Beatrice, jaraw fiha figura allegorika (xi wħud għadhom tal-fehma sal-lum li fil-Kummiedja Divina, Virġilju jirrappreżenta r-raġuni naturali, u Beatrice t-teoloġija).

Ħolma li kellu Dante, u li daħħalha mal-ewwel poeżija fil-ktieb, tagħtina xi dawl: lil Dante jidhirlu l-alla Mħabba fi sħaba tan-nar u jġib miegħu lil Beatrice għarwiena mdawra b'liżar lewn id-demm. L-alla Mħabba jżomm f'idu l-qalb taqbad bin-nar ta' Dante u jagħtiha 'l Beatrice biex tikolha, imbagħad jitla' lejn is-sema magħha. Din il-ħolma turi r-rikkezza u l-qawwa evokatriċi tal-poeta fil-Vita Nuova, xogħol diffiċli biex ninterpretawh: it-tradizzjoni mistika (is-sħaba tan-nar pereżempju) imħabbla mat-tradizzjoni kortiża (l-istorja tal-qalb li tittikel), is-sejħiet lill-"fidili tal-imħabba" u l-laqgħat ta' dami jistiednu qari eżoteriku, waqt li l-viżjonijiet u l-ħolm enigmatiku jqiegħed ix-xogħol f'dimensjoni f'l-istess ħin eskatoloġika (il-mewt ta' Beatrice bħala orizzont) u misterjuża. Beatrice ġiet sikwit imxebbħa ma' qaddisa (b'referenza għall-aġjografija Franġiskana b'mod partikulari), u wieħed mill-aħjar manjieri li bihom nistgħu inħarsu lejn din il-figura ta' mara sovrana hi billi nistudjaw l-analoġiji notevoli ma' Kristu. Jekk inwarrbu fil-ġenb id-deskrizzjoni tal-virtujiet u r-rakkonti tal-mirakli li nsibu mferrxin mal-ħajja tal-qaddisin, bħalhom, il-Vita Nuova tiġbor fiha il-misterji ta' Beatrice.

Il-Vita Nuova, li kienet diġà differenti mill-istil ta' dak iż-żmien, id-"Dolce Stil Novo", hi magħmula minn xi tletin poeżija, il-biċċa l-kbira sunetti, jixgħelu bi fjamma ta' mħabba u mistiċiżmu fl-istess ħin. Tnejn u erbgħin kapitlu bil-proża jikkumentaw fuq il-versi wieħed wieħed. Dante jagħlaq dan ix-xogħol bi stqarrija qisha viżjoni mis-sema li daħħal wara l-aħħar sunett: Ħa jikteb xi ħaġa li ħadd qatt ma kiteb, biex jgħanni l-glorja tal-maħbuba. Forsi kien diġà ħaseb fil-kapulavur tiegħu, il- Kummiedja Divina.

Fjorentin attiv

[immodifika | immodifika s-sors]
Statwa ta' Dante fil-gallerija tal-Uffizi, Firenze


Dante kellu sehem attiv ħafna fil-ħajja politika ta' Firenze. Fil-ġlied li kien iħarbat l-Italja f'dak iż-żmien, Dante kien Gwelf akanit: indaħal f'bosta espedizzjonijiet kontra l-Gibelllini ta' Arezzo, ta' Bolonja u ta' Piża, u kontribwixxa ħafna bil-qlubija tiegħu għar-rebħa ta' Campaldino (1289) kontra l-Gwelfi ta' Arezzo, kif ukoll tal-kastell ta' Caprona, kontra 'l Piżanin (1290).

Temm b'suċċess għadd kbir ta' missjonijiet politiċi u nħatar prijur ta' Firenze fl-1300, jiġifieri sar wieħed mill-maġistrati supremi tal-eżekuttiv. Imma l-Gwelfi , li kienu jiddominaw Firenze kienu maqsumin f'żewġ partiti: isSuwed, favur il-politika papali ta' Bonifazju VIII, u l-Bojod, li riedu iżjed awtonomija għall-belt. Fl-1300, il-papa Bonifazju VIII ried li l-komuni Toskani jkunu taħt il-ħakma imperjali ta' Ruma. Minn dak il-mument, Dante sar iżomm bil-qawwa man-naħa tal-Gwelfi bojjod, jiġifieri kontra l-indħil tal-papa. F'Ottubru tal-1301, bħala membru tal-Kunsill tal-mija, mar Ruma biex jipprova għall-aħħar darba biex issir konċiljazzjoni. Sadattant, Charles de Valois (1270-1325), jirrapreżenta 'l-papa, mar Firenze u ħataf il-belt bl-għajnuna tal-Gwelfi suwed trijunfanti. Bdew l-akkużi u s-sentenzi. Dante sar jaf fi triqtu lura li kien ikkundannat għal qliegħ illiċtu u insubordinazzjoni lejn il-papa u Charles de Valois. Irrifjuta li jidher quddiem il-qorti. Sentenza oħra li ħarġet fl-10 ta' Marzu 1302 mill-podestà Cante Gabrielli ta' Gubbio, ikkundannatu għall-ħruq. Ġidu kollu ġie kkonfiskat u hu ġie eżiljat ma' Gwelfi bojod oħra u qatt ma mar lura Firenze iżjed.

Eżilju prolifiku

[immodifika | immodifika s-sors]
L-Infern ta' Dante spira ħafa xbihat (din t'hawn hi ta' Giovanni Stradano).
Mappa tad-daħla u d-disa' ċrieki tal-infern. Stampa ta' de Giovanni Stradano.

Fil-bidu tal-eżilju, Dante kien jaħseb biex jassedja l-belt, flimkien ma' Gwelfi u Gibellini eżiljati oħra. Imma malajr abbandunah dan il-ħsieb u beda jiġri minn belt għal belt, jiġġieled kontra l-miżerja u jfittex il-protezzjoni fil-qortijiet tal-Italja ta' fuq: Forlì, Verona, Siena u għal darba oħra Arezzo. Għadda xi żmien Pariġi fejn kien jattendi l-università u fl-aħħar spiċċa Ravenna għand Guido de Polenta, fejn miet bil-malarja fil-lejl tat-13 jew l-14 ta' Settembru 1321, wara li kien ipprova għal xejn imur lura pajjiżu.

Il-qabar veru tiegħu, ordnat mill-kardinal Gonzaga fl-1780, qiegħed Ravenna, fil-pjazza San Francesco, fiċ-ċentru storiku tal-belt. S'issa l-Fjorentini għadhom jixtiequ jieħdu lura l-fdalijiet tiegħu biex iqegħduhom f'sarkofagu fiċ-ċenotafju, mibni minn Luigi de Cambray Digny bl-istatwi ta' Stefano Ricci, li nistgħu naraw fin-navi tal-knisja ta' Santa Croce ta' Firenze, imma Ravenna baqgħet tirrifjuta li tagħti lura 'l din il-belt il-ġisem ta' persunaġġ li keċċiet.

De vulgari eloquentia

[immodifika | immodifika s-sors]

Is-snin tal-eżilju kienu għal Dante perjodu ta' attività intellettwali sfieqa. Fl-1303, ikkonċentra fuq il-kwistjoni tal-lingwa vulgari u kiteb fuqha trattat bil-Latin: De vulgari eloquentia. L-ewwel ktieb kien iddedikat għal-bidu tal-ilsna, u wara għall-analisi tad-djaletti differenti Taljani. Dante wasal għall-konklużjoni li l-ebda lingwa vulgari m'hi aħjar minn oħra. Għalhekk kien jittama li titwaqqaf lingwa vulgari waħda li setgħet tinfirex mal-peniżola Taljana kollha. Fit-tieni ktieb, Dante wera li lingwa vulgari imma kkurata tista' tintuża għas-suġgetti l-iżjed nobbli, u tista' tiġi applikata fl-istil traġiku.

Deher li fl-1305 Dante waqaf mill-kitba ta' De vulgari eloquentia mingħajr ma' lestiha, meta kien kiteb biss żewġ kotba mill-erbgħa li kienu ppjanati fil-bidu. Issa beda jipprattika l-ideat tiegħu billi tefa' ruħu fuq ix-xogħol monumentali tiegħu bid-djalett Toskan: Il Convivio. Fih is-suġġetti li s-soltu kienu jiġu ttrattati bil-Latin bħal: il-ġerarkiji tal-anġli, it-tifħir tal-filosofija u x-xjenza bħala t-triq għall-iżvilupp tal-bniedem, l-eżaltazzjoni tan-nobbiltà bħala valur intellettwali u morali li jikseb l-individwu, etc. Qisu Dante ħa f'idejh il-missjoni li jiftaħ il-bibien tal-kultura u tax-xjenzi antiki u kontemporanji għal numru ikbar. Barra minn hekk, ċerti passaġġi tal-Convivio għandhom l-għan li jiddefendu l-awtur mill-akkużi miġjubin kontra tiegħu. Jgħid fuq l-imrar li kellu f'qalbu minħabba li tkeċċa minn Firenze, belt twelidu li rabbietu fi ħdanha qabel tefgħetu 'l barra. Il Convivio fil-bidu kellu jkun fih ħmistax-il trattat, imma l-ewwel erbgħa biss inkitbu.

Dante reġa' dar għal-Latin biex jesprimi l-opinjonijiet politiċi tiegħu fit-trattat De Monarchia, miktub bejn l-1313 u l-1318. Forsi kienet il-mewt ta' Neriku VII fl-1313 li tagħtu l-idea li jikteb trattat ġdid. In fatti, mal-mewt tar-re għebet għal kollox kull tama li Dante xi jum jara l-awtorità imperjali terġa’ taħkem il-peniżola, għad-dannu tal-ħakma tal-papa. Fl-ewwel ktieb tat-trattat, Dante jfaħħar il-monarkija universali bħala sistema politika ideali biex tiggarantixxi l-paċi u, hekk l-hena tal-bnedmin. It-tieni ktieb jipprova juri li hu l-poplu Ruman li għandu jkollu l-awtorità suprema, għax hu bid-dritt l-eredi tal-Imperu Ruman, jiġifieri skont ir-rieda t'Alla, u mhux biss bil-forza. Fl-aħħar, it-tielet u l-aħħar ktieb jittratta r-relazzjonijiet bejn l-imperatur u l-papa, l-awtorità tat-tnejn ġejja minn Alla, imma kull wieħed għandu jeżerċitaha fil-qasam proprju tiegħu: il-qasam spiritwali għall-papa u l-qasam temporali għall-imperatur. It-trattat kien meqjus bħala eretiku u mqiegħed fuq l-indiċi tal-kotba projbiti fejn baqa' sal-1881.

Dante x'aktarx kien ukoll l-awtur ta' Quaestio de aqua et terra, trattat qasir li jipprova juri li l-isferi tal-ilma u tal-art m'humiex konċentriċi.

Barra mit-trattati, wiritna żewġ egloġi bil-Latin mibnija fuq il-manjiera ta' Virġilju li minn żogħżitu kien jammira bil-qalb. Dawn kienu risposti ndirizzati lil Giovanni del Virgilio li kien jgħallem ir-retorika fl-università ta' Bolonja u kien iċanfar lil Dante talli kien kiteb il-Kummiedja Divina bit-Toskan minflok bil-Latin.

Esperiment poetiku oriġinali

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-kollezzjoni ta' Le Rime li tiġbor fiha 54 biċċa hija tassew xogħol ta' sperimentazzjoni poetika. Minkejja li l-ġabra u l-organizzazzjoni ta' dawn il-kitbiet saru wara Dante, x'aktarx li hu kien l-awtur tal-parti l-kbira tal-poeżiji. Fost dawn il-kitbiet sperimentali, insibu r-rime petrose li tiġbor fiha żewġ għanjiet li jiddeskrivu ritratt ta' mara b'qalb tal-blat li ma jistgħux ma tjfakkruniex fil-poeżiji tal-trovaturi Provenzali.

Il-kapulavur ta' ħajtu

[immodifika | immodifika s-sors]
Dante u Virġilju jżuru l-Infern, pittura ta' William Bouguereau

Dante beda jikteb il-Kummiedja Divina mill-1306 u x'aktarx baqa' sejjer biha sa mewtu. Ix-xogħol fil-bidu kellu sempliċiment l-isem Commedia, imma wara, il-kummentaturi ewlenin tal-ktieb żiedu l-aġġettiv divina. Ix-xogħol jirrakkonta vjaġġ immaġinarju ta' narratur li jsib ruħu f'daqqa waħda ġo foresta mudlama. Hemm, jiltaqa' ma' Virġilju li jistiednu jidħol ġod-dinja ta' lil hemm. Dante jsegwiħ u jibda' d-dawra tiegħu b'żjara lill-infern u wara lill-purgatorju u fl-aħħar lill-ġenna. Il-vjaġġ sħiħ lil Dante ħadlu l-ġimgħa mqaddsa kollha tas-sena 1300. Immexxi minn Virġilju, niżel id-disa' ċrieki tal-infern, imbagħad tela' s-seba' terrazzi tal-purgatorju sal-ġenna tal-art u fl-aħħar tela' fid-disa' sferi konċentriċi tal-ġenna. Virġilju qdieh bħala gwida sal-bieb tal-ġenna, imma ma setax jidħol ġewwa miegħu għax billi kien twieled qabel il-miġja ta' Kristu, ma setagħx jibbenefika mill-Passjoni tiegħu. Għalhekk kienet Beatrice li ħaditu f'idejha u mexxiet 'l Dante fl-Empirew. Fetħet il-bieb tas-salvazzjoni, imbagħad San Bernard iggwida r-rakkontatur fil-Warda tal-Qaddisin sal-viżjoni suprema.

Ir-rakkont miktub fl-ewwel persuna, hu vjaġġ tassew innovattiv. Matulu, Dante jiltaqa' ma' xi mitt personalità, mill-figuri kbar mitiċi tal-antikità bħall-filosfi sal-personalitajiet lokali kontemporanji ta' Dante. Dan ix-xogħol monumentali nistgħu naqrawh f'bosta manjieri differenti, hu fl-istess ħin rakkont tal-vjaġġ personali ta' Dante, manwal teoloġiku nisrani li jiddeskrivi d-dinja ta' lil hemm, rumanz ta' valur etiku u morali u wkoll riflessjoni fuq it-tfittxija għas-salvazzjoni eterna. Parti mill-ġenju ta' Dante kien f'li kien jaf iħallat il-postijiet immaġinarji ma' esperjenzi konkreti. Minkejja li l-azzjoni ssir f'univers totalment metafiżiku, Dante kien jaf jiddeskrivi dawn l-imkejjen b'mod iddettaljat u jagħnihom b'ħafna realiżmu waqt li għammarhom b'dawn il-figuri kollha famużi u m'humiex. Fl-aħħar ta' vjaġġ għani imma iebes, is-salvazzjoni mogħtija lin-narratur hu messaġġ ta' tama għall-umanità kollha: il-wegħda tas-salvazzjoni għal kulħadd.

Dante fil-kultura moderna

[immodifika | immodifika s-sors]
De vulgari eloquentia, 1577

I|l-ħajja u x-xogħol ta' Dante kellhom influwenza determinanti fuq it-tiswir tal-identità Taljana u b’mod ġenerali fuq il-kultura moderna. Hemm għadd kbir ta' kittieba u intellettwali li użaw u jkomplu jużaw il-Kummiedja u x-xogħlijiet l-oħra Danteski bħala għajn ta' ispirazzjoni tematika, lingwistika u espressiva. Hawn nagħtu ftit minhom.

Letteratura Taljana tas-seklu 20:

  • Fix-xogħol poetiku ta' Eugenio Montale jintużaw sikwit termini u formuli mill-poeżija u mill-Kummiedja ta' Dante.
  • Il-poeta Mario Luzi uża bosta drabi it-temi Danteski u b'mod partikulari 'purgatorjali', pereżempju fil-poeżija La notte lava la mente.
  • F' "Se questo è un uomo" ta' Primo Levi insibu bosta riferimenti għall-inżul Dantesk fl-Infern; barra minn hekk wieħed mill-kapitli hu strutturat bħala l-kontinwazzjoni tal-vjaġġ ta' Ulisse fil-canto XXVI tal-Inferno.

Letteratura dinjija tas-seklu 20:

  • Il-poeta Thomas Stearns Eliot ħa ispirazzjoni minn Dante u fil-v. 63 tal-poeżija The waste land (L-art iddeżolata) jittraduċi letteralment il-versi 56-57 tat-tielet canto tal-Inferno: "i' non averei creduto / che morte tanta n'avesse disfatta"[3]. Il-passaġġ jiddeskrivi għodwa Londiniża fejn il-folla tan-nies sejrin ix-xogħol hi assoċjata max-xbieha Danteska tal-ignavi[4]. Fl-istess "The waste land", f' "What the thunder said" jiċċita espliċitament il-v. 148 tal-canto XXVI tal-Purgatorio:"Poi s'ascose nel fuoco che gli affina"[5]. Barra minn hekk jagħti l-vs 61-66 tal-canto XXVII tal-Inferno fid-daħla tal-poeżija "The Love Song of J. Alfred Prufrock".
  • Fin-novella The Celestial Omnibus il-kittieb Ingliż Edward Morgan Forster introduċa persunaġġ misterjuż "ta' ġilda saffra, leħitu tal-biza' u għajnejh fil-ħofra", li "kien jismu Dan xiħadd" li kien imexxi vettura stramba biż-żwiemel, li fiha kien hemm miktub "Lasciate ogni baldanza voi ch'entrate"; imma wieħed mill-karattri, is-Sur Bons qal li kienet "lashy arty" jew xi ħaġa hekk u li baldanza kienet żball għal speranza.
    Fl-aħħar tad-dawra f'dinjiet abitati minn persunaġġi kbar tal-leġenda u tal-poeżija, it-tifel li temm il-vjaġġ "ħass weraq friski fuq ġbinu. Xi ħadd kien inkurunah."
  • Il-poeta Ezra Pound kien jaf fil-fond il-poeżija Danteska u użaha f'xi passaġġi tax-xogħol ewlieni tiegħu, The Cantos.
  • Il-poeta Arġentin Jorge Luis Borges li kien wieħed mill-kittieba l-iżjed importanti tas-seklu 20 tant kien jammira 'l-Kummiedja ta' Dante li wasal biex jgħid li kienet l-aħjar xogħol letterarju ta' kull żmien, il-quċċata tal-letteraturi. Kien kiteb Disa' saġġi Danteski u ta ħafna taħdidiet fuq il-poeżija sagra. Fix-xogħol tiegħu bosta drabi ttraduċa xi passaġġi mill-Kummiedja li inserixxa fil-poeżiji tiegħu bħal perezempju fil-"Poema conjetural" fejn ikompli l-episodju ta' Bonconte fil-Purgatorio, V.

Noti u referenzi

[immodifika | immodifika s-sors]
  1. ^ Dante kkonferma hu stess fil-Kummiedja Divina, Par. XXII 112-117, li twieled taħt l-għelm Żodjakali tat-Tewmin:
    P. Pecoraro : Id-dati tat-twelied ta' Beatrice u Dante, fi Critica Letteraria, a. 13, vol. XLVI (1985), faxx. 1, pp. 3-18.
    Richard Kay : Il giorno della nascita di Dante e la dipartita di Beatrice, fi Studi americani su Dante, Milan, Angeli, 1989, pp. 243-265.
  2. ^ Għall-istess raġuni l-belt ta' Firenze tiċċelebra t-twelied ta' Dante fl-aħħar Sibt ta' Mejju.
  3. ^ "I had not thought / death had undone so many."
    "ma kontx ħsibt / li l-mewt xejnet tant nies."
  4. ^ L-ignavi huma kategorija ta' midinbin li jiltaqa' magħhom Dante fl-Antinfern, matul ir-rakkont tiegħu. Jiddeskrivhom bil-ħruxija fit-tielet Canto tal-Inferno. Dawn l-indannati huma dawk li matul ħajjithom qatt ma għamlu xejn la fit-tajjeb u lanqas fil-ħażin u ma qatt issugraw ikollhom idea waħda tagħhom, imma illimitaw ruħhom biss f'li jkunu komdi
  5. ^ "Imbagħad staħba fin-nar li rfinaħ."

Ħoloq esterni

[immodifika | immodifika s-sors]