Avril Lavigne
Avril Lavigne | |
---|---|
Informazzjoni ġenerali | |
Isem sħiħ | Avril Ramona Lavigne |
Twieled |
27 ta' Settembru 1984 Belleville, Ontarjo, Kanada |
Oriġini | Napanee, Ontarjo, Kanada |
Ġeneru |
Rock modern Pop punk Pop rock Power pop Rock alternattiv |
Snin ta' attività | 1999–preżent |
Sit uffiċjali | avrillavigne.com |
Avril Ramona Lavigne (twieldet fis-27 ta' Settembru 1984) hi kantanta, mudella, liriċista, stilista tal-moda, u attriċi Kanadiża. Il-mużika ta' Avril Lavigne għandha element ta' rock modern, pop punk, pop rock, power pop u rock alternattiv.
Bijografija
[immodifika | immodifika s-sors]Lavigne twieldet f'Belleville, Ontarjo, nhar is-27 ta' Settembru 1984, it-tifla ta' Judy u John Lavigne. L-isem Avril hu għal "April" bil-Franċiż, waqt li la vigne tfisser "il-vinja". It-tieni minn tliet itfal (l-oħrajn huma Michelle, li hi tliet snin iżgħar, u Matt, li hu sentejn ikbar), fl-età tenera ta' ħames snin titrasferixxi mal-familja fi Greater Napanee. Kienet omm Lavigne li skopriet għall-ewwel darba it-talent promettenti tat-tifla tagħha.
Il-familja tagħha kienet mibnija fuq ambjent profondament reliġjuż, fejn wassal biex Avril tiffrekwenta lill-knejjes, speċjalment dik ta' Evangel Tempel li kienet il-knisja li s-soltu l-familja tagħha kienet tiffrekwenta, u fil-komunità fejn fil-futur kienet se tagħmel l-ewwel esperjenzi fil-kant.
Fl-1998, Lavigne rebħet kompetizzjoni biex tkanta mal-kantanta Kanadiża Shania Twain fl-ewwel kunċert tagħha. Hi dehret ħdejn Twain fil-kunċert f'Ottawa, fejn dehret fuq il-palk biex tkanta "What Made You Say That". Hi ġiet skoperta mill-ewwel maniġer professjonali tagħha, Cliff Fabri, meta kienet qed tkanta xi siltiet tal-mużika country f'Kingston ġewwa Ontarjo. Waqt li kienet qed tesibixxi mal-Lennox Community Theatre, Lavigne waqgħet taħt l-għajn tal-kantant tal-mużika folk Steve Medd, li stedinha biex tkanta fil-kanzunetta tiegħu, "Touch the Sky", għall-album Quinte Spirit. Hi kantat ukoll fil-kanzunetti "Temple of Life", u "Two Rivers", għall-album suċċessiv, My Window to You, li ħareġ fis-sena 2000. Fl-età ta' sittax-il sena iffirmat ma' Arista Records.
Karriera mużikali
[immodifika | immodifika s-sors]Let Go (2002–2003)
[immodifika | immodifika s-sors]- Biex tapprofondixxi, ara l-artiklu: Let Go (album ta' Avril Lavigne).
Let Go ħareġ nhar l-4 ta' Ġunju 2002, ġewwa l-Istati Uniti, u laħaq it-tieni post fil-klassifika Amerikana u l-ewwel post fl-Awstralja, il-Kanada u r-Renju Unit. Permezz ta' dan is-suċċess bikri li Avril kellha, fl-età ta' sbatax-il sena, hi saret l-iżgħar kantanta femminili solista li kellha album li spara fil-quċċata tal-klassifika tar-Renju Unit.[1]
Il-ġeneru ta' dan l-album kien wieħed mibni fuq il-pop rock; madanakollu, f'ċerti kanzunetti kien hemm influwenzi ta' mużika alternattiva u dik post-grunge.
Wara biss xahar mill-pubblikazzjoni tal-album, Let Go laħaq l-istatus ta' multi-platinu lejn l-aħħar ta' Awwissu,[2] u ġie ċċertifikat bħala platinu triplu ġimgħatejn wara. Qabel tmiem l-2002, wara biss xhur mid-debutt, ġie ċċertifikat bħala platinu għal erba' darbiet mill-RIAA. Sa Diċembru 2007 l-album biegħ 6.6 miljun kopja fl-Istati Uniti u aktar minn 16-il miljun minn madwar id-dinja.[3]
Mill-album ħarġu erba' kanzunetti. L-ewwel waħda, "Complicated" telgħet fl-ewwel post tal-klassifika Awstraljana, waqt li laħqet it-tieni post fil-Hot 100 tal-Istati Uniti, u kienet fost l-aqwa kanzunetti Kanadiżi li nbiegħu matul l-2002. Lavigne ugwaljat ir-rekord magħmul mill-kanzunetta ta' Natalie Imburglia, "Torn", meta "Complicated" żammet l-ewwel post għal ħdax-il ġimgħa fir-radjijiet ta' mużika kontemporanja. "Sk8er Boi" laħqet l-aqwa għaxra fl-Amerika u l-Awstralja, "I'm With You" laħqet l-aqwa għaxra wkoll fl-Istati Uniti u r-Renju Unit, u "Losing Grip" ikklassifikat fl-aqwa għaxra tat-Tajwan u l-aqwa għoxrin fiċ-Ċili.
Lavigne ingħatat l-unur bħala "L-Aqwa Artista Ġdida" fl-MTV Video Music Awards 2002. Hi rebħet ukoll erba' Juno Awards fl-2003 (minn sitt nominazzjoni), irċeviet World Music Award bħala "L-Aqwa Kantanta Kanadiża Bejjiegħa tad-Dinja", u ġiet nominata għal tmien Grammy Awards, li jinkludu dik tal-"Kanzunetta tas-Sena" għal "Complicated" u "L-Aqwa Artista Ġdida".
Under My Skin (2004–2006)
[immodifika | immodifika s-sors]It-tieni album ta' Lavigne, Under My Skin, ħareġ fil-25 ta' Mejju 2004, ġewwa l-Istati Uniti. Iddebutta mal-ewwel fil-quċċata tal-klassifika tal-Istati Uniti, ir-Renju Unit, il-Ġermanja, il-Ġappun, l-Awstralja, il-Kanada, il-Messiku, l-Arġentina, Spanja, l-Irlanda, it-Tajlandja, il-Korea u Ħong Kong, u fl-ewwel ġimgħa irnexxielu jbigħ aktar minn 380,000 kopja fl-Istati Uniti. Lavigne kitbet il-parti l-kbir tal-album mal-kantawtur Kanadiż Chantal Kreviazuk, anke jekk xi kanzunetti kienu miktuba flimkien ma' Ben Moody (li qabel kien jagħmel parti minn Evanescence), Butch Walker ta' Marvellous 3, il-kitarrista veteran tagħha Evan Taubenfeld, u l-batterista veteran tagħha Matt Brann. Ir-raġel ta' Kreviazuk, il-kantant prinċipali ta' Our Lady Peace Raine Maida, ipproduċa l-album flimkien ma' Butch Walker u Don Gilmore.
Dan l-album għandu tendenza ta' mużika alternattiva, flimkien ma' kanzunetti li juru l-istil punk-pop (bħal He Wasn't u I Always Get what I Want), jew ħsejjes post-grunge (bħal Freak Out u Who Knows).
Il-kanzunetta "Don't Tell Me" marret fl-ewwel post fil-klassifika tal-Arġentina u l-Messiku, fl-aqwa ħamsa tar-Renju Unit u l-Kanada, u fl-aqwa għaxra tal-Awstralja u l-Brażil. "My Happy Ending" marret fl-ewwel post fil-messiku u laħqt l-aqwa għaxra tal-Istati Uniti, fejn b'hekk din saret it-tielet l-aqwa kanzunetta ta' Avril hemmhekk. Madanakollu "Nobody's Home" ma laħqitx l-aqwa erbgħin fl-Istati Uniti, u kklassifikat biss fl-ewwel post ġewwa l-Arġentina u l-Messiku. Ir-raba' silta tagħha mill-album, "He Wasn't" laħqet l-aqwa erbħgin tar-Renju Unit u l-Awstralja, u ma ħarġitx ġewwa l-Istati Uniti. "Fall to Pieces" ħarġet bħala l-aħħar kanzunetta mill-album, imma ma tantx ħalliet impressjoni bħall-kanzunetti preċedenti.
Lavigne, fl-2004, rebħet żewġ World Music Awards bħala "L-Aqwa Artist tar-Rock/Pop" u bħala "L-Aqwa Artista Kanadiża Bejjiegħa". Lavigne kitbet flimkien ma' Hatthew Gerald il-kanzunetta "Breakaway", li ġiet irrekordjata minn Kelly Clarkson għall-film The Princess Diaries 2: Royal Engagement (2004). "Breakaway" ġiet wara inkluża fit-tieni album ta' Clarkson, Breakaway, fejn ħarġet bħala l-ewwel kanzunetta tal-album. Il-kanzunetta rnexxielha tagħmel suċċess fl-aqwa għaxra tal-Istati Uniti u dan ta lil Clarkson fama sostanzjali.
Lavigne daret wieħed u għoxrin belt Amerikana u Kanadiża biex tippromovi l-album Under My Skin. Dan beda fl-4 ta' Marzu 2004, f'Minneapolis, Minnesota. Il-palk fejn kienet se tesebixxi ma' kienx jitħabbar qabel tmienja u erbgħin siegħa qabel il-bidu tas-serata. Dawn il-kunċerti kienu popolari u għenu bil-kbir fil-promozzjoni tal-album. Matul l-2005, barra l-kunċerti, Lavigne kienet impenjata biex tkompli l-karriera tal-imudellar u dak tad-drama. Hi rrapreżentat lill-Kanada fiċ-ċerimonja tal-għeluq tal-Logħob Olimpiku tax-xitwa 2006 li sar f'Turin, l-Italja, fejn kantat il-kanzunetta "Who Knows". L-album biegħ aktar minn 8 miljun kopja.[4]
The Best Damn Thing (2007–preżent)
[immodifika | immodifika s-sors]It-tielet album ta' Lavigne, The Best Damn Thing, ħareġ fis-17 ta' April 2007, u ddebutta fl-ewwel post fl-Istati Uniti. L-album kien prodott minn Dr. Luke, Deryck Whibley ir-raġel ta' Lavigne, Rob Cavallo, Butch Walker u Lavigne stess. L-ewwel kanzunetta tal-album kienet "Girlfriend", li saret l-ewwel silta ta' Lavigne li laħqet l-ewwel post fil-Billboard Hot 100. Waqt programm tar-radju ta' Ryan Seacrest, Lavigne ħabbret li "When You're Gone (kanzunetta ta' Avril Lavigne)" kienet se tkun it-tieni kanzuentta tagħha. It-tielet kanzunetta mill-album ta' Lavigne hi "Hot", waqt li r-raba' u l-aħħar waħda hi "The Best Damn Thing".
Biex tippromovi l-album Lavigne għamlet xi kunċerti, bil-biljetti tas-serati jinbiegħu lil dawk biss li huma membri tal-klabb tal-ammiraturi tagħha. Dawn is-sett ta' kunċerti bdew f'Calgary, Alberta, u esebixxiet għal folla ta' madwar mitejn ruħ. L-album biegħ total ta' 6 miljun kopja madwar id-dinja f'Ottubru 2008. F'Marzu 2008, Avril bdiet sett ta' esebizzjonijiet biex jgħinu lill-album. Dawn saru fl-Istati Uniti, il-Kanada, l-Ewropa u l-Asja.
Akkużi ta' plaġju
[immodifika | immodifika s-sors]Nhar il-25 ta' Mejju 2007, Lavigne, il-liriċista Lukasz Gottwald, u t-tikketta diskografika ġew imfittxin għad-danni mill-kittieba James Gangwer u Tommy Dunbar, li stqarrew li l-kanzunetta "Girlfriend" hi plaġju tal-kanzunetta "I Wanna Be Your Boyfriend", li oriġinarjament ħarġet fl-1979 mill-grupp The Rubinoos. Lavigne bħala difiża stqarret li qatt ma kienet semgħet il-kanzunetta tal-grupp Amerikan. It-tribunal ta s-sentenza tiegħu fit-28 ta' Awwissu 2007, fejn iddeċidiet li l-kwistjoni bejn Avril Lavigne u The Rubinoos għandha tiġi riżolta privatament u sa issa għadu mhux magħruf dwar l-eżistu ta' kif ġiet solvuta din l-akkuża. Il-kanzunetta "I Don't Have to Try" qajment ukoll il-kontroversja. Kien hemm ukoll xi spekulazzjonijiet ta' plaġju fuq il-kanzunetta ta' Lavigne, "I Don't Have to Try" u l-kanzunetta tal-2003 mill-kantanta Peaches, "I'm the Kinda", minħabba s-similaritajiet bejn dawn iż-żewġ kanzunetti.
Karriera ċinematografika
[immodifika | immodifika s-sors]Lavigne iddebuttat fid-dinja ċinematografika fil-film animat Over the Hedge, li hu bbażat fuq sekwenza ta' tpinġijiet komiċi li jġibu l-istess bħall-film. Hi wkoll qed taħdem fil-film ta' Richard Gere The Flock, bħala l-għarusa tas-suspettat tal-qtil, u t-tielet proġett tagħha kien Fast Food Nation, li hu bbażat fuq il-ktieb favorit tagħha. Lavigne flimkien ma' Dr. Luke kitbet u rrekordjat kanzunetta bl-isem ta' "Keep Holding On", bħala l-kolonna sonora tal-film Eragon; din il-kanzunetta ġiet inkluża fit-tielet album tagħha, The Best Damn Thing. Din il-kanzunetta waslet sal-quċċata fl-aqwa għoxrin tal-Kanada. Hi wkoll irrekordjat il-kanzunetta tema tal-film The SpongeBob SquarePants Movie.
Lavigne għamlet xi apparenzi fil-film Going the Distance u dehret ukoll f'episodju ta' Sabrina, is-Saħħara Żagħżugħa, fejn kantant "Sk8er Boi" flimkien mal-grupp tagħha. Skont l-istampa Brittanika, Avril Lavigne milli jidher se jkollha parti prinċipali f'film li se jinħadem fil-futur qarib.[5]
Filmografija
[immodifika | immodifika s-sors]Sena | Titlu | Rwol |
---|---|---|
2002 | Sabrina, is-Saħħara Żagħżugħa | Hi stess |
2004 | Going the Distance | Hi stess |
2004 | Saturday Live | Hi stess |
2004 | Madtv | Hi stess |
2006 | Fast Food Nation | Alice |
2006 | Over the Hedge | Heather (vuċi) |
2007 | The Flock | Beatrice Bell |
2009 | Rwol prinċipali[5] |
Ħajja personali
[immodifika | immodifika s-sors]Nhar il-15 ta' Lulju 2006, fi proprjetà privata ġewwa Montecito, Kalifornja, Avril Lavigne iżżewġet f'ċerimonja Kattolika lill-kantant u kitarrist tal-grupp punk Sum 41, Deryck Whibley, wara madwar sentejn għerusija. Meta ġiet mistoqsija fuq jekk kinux lesti li jkollhom it-tfal, hi rrispondiet li ma kinux qed jippjanaw għalissa, però fil-futur ma jgħidux le.[6]
F'intervista, darba minnhom Avril qalet li l-kanzunetta tal-grupp Outkast, "Hey Ya", hi l-aktar kanzunetta li tiddevertiha. Hi wkoll tħobb tisma' lil Oasis, Third Eye Blind, Marilyn Manson, System of a Down u lil Blink-182, u tħobb speċjalment il-kanzunetta "I Miss You".
Grupp
[immodifika | immodifika s-sors]
Membri kurrenti[immodifika | immodifika s-sors]
|
Membri tal-passat[immodifika | immodifika s-sors]
|
Diskografija
[immodifika | immodifika s-sors]- Biex tapprofondixxi, ara l-artiklu: Diskografija ta' Avril Lavigne.
- 2002: Let Go
- 2004: Under My Skin
- 2007: The Best Damn Thing
- 2011: Goodbye Lullaby
- 2013: Avril Lavigne
- 2019: Head Above Water
- 2022: Love Sux
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ Lamb, Bill. "Avril Lavigne" (bl-Ingliż). About.com. Miġbur 2008-12-06.
- ^ "Nothing 'Complicated' About It...Avril Is Double Platinum!" (bl-Ingliż). RIAA. 2002-09-04.
- ^ "Avril Lavigne Ends North American Run of Shows with Two Dates In Washington Beginning May 9". transworldnews.com (bl-Ingliż). 2008-05-04.
- ^ Sit uffiċjali ta' Avril Lavigne
- ^ a b "Avril Lavigne Lands Movie Role". hollyscoop.com (bl-Ingliż). 2008-06-05. Miġbur 2008-12-26.
- ^ "Avril Lavigne Marries Sum 41 Frontman Deryck Whibley" (bl-Ingliż). FOX News. 2006-07-16.
Ħoloq esterni
[immodifika | immodifika s-sors]Fil-Wikikwota hemm kollezzjoni ta' kwotazzjonijiet li għandhom x'jaqsmu ma': Avril Lavigne |
Wikimedia Commons għandha fajls multimedjali li għandhom x'jaqsmu ma': Avril Lavigne |