Premju Rothmans għal-Letteratura
Il-Premju Rothmans għal-Letteratura tal-1974 kien kollaborazzjoni bejn il-Moviment Qawmien Letterarju u l-kumpanija Rothmans ta' Pall Mall (Malta) Limited.
Filwaqt li l-edizzjoni tal-1973 kienet ġiet iddedikata għall-palk u kien rebaħha Kilin (Mikiel Spiteri), l-edizzjoni tal-1974 kienet iddedikata għar-rumanzi. Ir-rebbieħ kien imwiegħed is-somma ta' Lm100 imma kellu jċedi l-jeddijiet tal-awtur għall-ewwel elf kopja lill-Moviment Qawmien Letterarju; dawn l-elf kopja kellhom jiġu ppubblikati bi spejjeż tal-Moviment u tal-kumpanija Rothmans.
Ir-rumanzi, li ma kellhomx ikunu itwal minn 400 paġna u mhux aqsar minn 250, kellhom ikunu xogħlijiet oriġinali miktubin bil-Malti u li qatt ma kienu ġew ippubblikati qabel. Kellhom jittrattaw problemi jew suġġetti tas-seklu 20, jew li tal-anqas kienu għadhom relevanti fis-seklu 20. Il-manuskritti kellhom jitressqu sa mhux aktar tard min-nofsinhar tat-30 ta' Marzu 1974.
Qrib il-għeluq tal-iskadenza, il-kumitat organizzattiv kellu jagħżel ġurija magħmula minn tliet persuni. Din il-ġurija kellha tagħżel l-aħjar fost il-manuskritti mressqa, li mbagħad kellhom jiġu miflijin mill-ġdid mill-istess ġurija u minn ġurija oħra sigrieta, ukoll magħmula minn tliet persuni iżda magħżulin minn fost il-pubbliku. Dawn it-tliet membri tal-pubbliku kellhom ikunu ta' livell tajjeb ta' edukazzjoni iżda mhux attivi fil-qasam letterarju. Iż-żewġ ġuriji kellhom imbagħad jiltaqghu fil-pubbliku u jiddikjaraw l-għażliet tagħhom skont ordni ta' mertu.
Il-membri tal-ewwel ġurija kienu Peter Serracino Inglott, Pawlu Xuereb, u Ġużè Chetcuti. L-edizzjoni tal-1974 intrebħet minn Frans Sammut bir-rumanz tiegħu Samuraj.
Gallerija
[immodifika | immodifika s-sors]-
Ittra miktuba minn Oliver Friggieri, li aktar 'il quddiem sar il-Professur tal-Letteratura Maltija fl-Università ta' Malta, dwar l-objettivi tal-Moviment marbutin mal-Premju Rothmans
-
L-ewwel paġna tar-rumanz ta' Frans Sammut, Samuraj
-
Il-qoxra tal-aħħar tar-rumanz Samuraj