Mimoza Kusari-Lila
Mimoza Kusari-Lila | |||
---|---|---|---|
| |||
Ħajja | |||
Twelid | Gjakova, 16 Ottubru 1975 (49 sena) | ||
Nazzjonalità | Kosovo | ||
Edukazzjoni | |||
Alma mater |
Università ta' Prixtina Università ta' Prixtina (1969-1999) | ||
Okkupazzjoni | |||
Okkupazzjoni | politiku |
Mimoza Kusari-Lila (twieldet fis-16 ta' Ottubru 1975) hija politika Kosovara Albaniża tal-Alternattiva (bl-Albaniż: Alternativa). Hija kienet il-Viċi Prim Ministru tar-Repubblika tal-Kosovo u l-Ministru għall-Kummerċ u l-Industrija mill-2011 sal-2013, kif ukoll is-Sindku ta' Gjakova minn Novembru 2013 sal-2017.[1]
Familja
[immodifika | immodifika s-sors]Mimoza Kusari twieled fis-16 ta' Ottubru 1975 f'Gjakova. Missierha huwa tabib pulmunologu u ommha hija għalliema tal-lingwa u tal-letteratura Albaniża fi skola primarja. Għal żmien qasir, il-familja tagħha għexet f'Peja, qabel ma reġgħu lura lejn Gjakova b'erbat itfal f'nofs is-snin 80 tas-seklu 20.
Kusari temmet l-iskola postsekondarja fil-Liċeo ta' Hajdar Dushi u mbagħad inkitbet fl-Università ta' Prishtina, fil-Fakultà tax-Xjenza Ekonomika. Hija ggradwat fl-immaniġġjar u fis-sistemi tal-informatika, u ħadmet full-time sabiex tiffinanzja l-istudji tagħha fi żmien ta' kriżi ekonomika u repressjoni politika. Fl-1998-1999, meta faqqgħet il-gwerra fil-Kosovo, hija ħadmet għal organizzazzjonijiet bħal Tobba Mingħajr Fruntieri u l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSCE).
Matul il-gwerra tal-Kosovo, hi u taħdem f'kamp tar-refuġjati għas-Servizz tar-Radju Pubbliku Nazzjonali Amerikan fir-Repubblika tal-Maċedonja ta' Fuq, hija rebħet borża ta' studju ta' Ron Brown mid-Dipartiment tal-Istat tal-Istati Uniti biex tkompli tistudja għal MBA fl-Istati Uniti.[2]
Matul is-soġġorn tagħha fl-Istati Uniti, hija kompliet bl-istudji tagħha fl-Istitut tax-Xjenza Ekonomika, fl-Università ta' Colorado, u fl-Università ta' Duquesne f'Pittsburgh, Pennsylvania, fejn temmet il-masters tagħha fil-kummerċ elettroniku. Matul dan iż-żmien hija kienet attiva ħafna fl-organizzazzjoni ta' komunità tal-istudenti u wriet li kellha ħiliet ta' tmexxija. Hija stabbiliet u kienet l-ewwel President tal-Assoċjazzjoni tan-Negozjanti tal-Università ta' Duquesne u kienet waħda minn tliet detenturi ta' borża ta' studju ta' Ron Brown mil-Lvant tal-Ewropa li ġew mistiedna jipparteċipaw fiċ-ċelebrazzjoni tal-Ġimgħa Internazzjonali tal-Edukazzjoni mis-Segretarju tal-Istat Madelaine Albright f'Washington, D.C. Wara l-istudji tagħha, hija ħadmet bħala apprendista fil-Korporazzjoni Bayer tal-Amerka ta' Fuq f'Pittsburgh fid-dipartiment tal-bejgħ elettroniku.
Wara li reġgħet marret lura l-Kosovo fl-2001, hija ħadmet għall-Bank Dinji u għall-proġett ta' għajnuna mill-Istati Uniti biex jiġu appoġġati n-negozji Kosovari. Il-ħiliet ta' tmexxija u maniġerjali tagħha ħarġu fid-dieher meta ħadmet bħala maniġer tal-proġett fl-Università Amerikana għall-istabbiliment ta' pjan tal-edukazzjoni għall-Kosovo tal-Fondazzjoni tal-Kosovo. Il-ħidma tagħha wasslet għall-ftuħ tal-università, li issa hija istituzzjoni edukattiva minn ta' quddiem fil-Kosovo u fir-reġjun.
Attività politika
[immodifika | immodifika s-sors]Kusari kienet esposta għall-politika u għas-servizz pubbliku fl-2003 meta ngħatat il-kariga ta' kelliema u konsulent politiku tal-Prim Ministru tal-Kosovo ta' dak iż-żmien, Bajram Rexhepi. Hija kienet l-ewwel mara li ngħatat dik il-kariha u b'mod imparzjali fit-twemmin politiku tagħha hija kienet il-wiċċ u l-vuċi tal-gvern tal-Kosovo għal iktar minn sena fi żmien meta fil-Kosovo reġgħu faqqgħu l-irvellijiet ta' Marzu 2004. Hija ħabbret li kienet se tieqaf għal ftit mill-politika fl-aħħar tal-2004, iżżewġet lil Arben Lila, u kellha lil binha s-sena ta' wara. Kusari żiedet kunjom ir-raġel tagħha mal-kunjom tagħha u issa tuża l-kunjom Kusari-Lila bħala l-kunjom uffiċjali tagħha.
Hija reġgħet kompliet bl-attività politika bħala direttur tad-Dipartiment tal-Enerġija fil-Ministeru għall-Enerġija u l-Minjieri, imbagħad fil-Kamra Amerikana tal-Kummerċ fil-Kosovo, fejn ħadmet bħala direttur eżekuttiv fl-2006-2009. Meta kienet taħdem fil-Kamra Amerikana tal-Kummerċ fil-Kosovo, fl-2009, hija temmet proġett ta' riċerka ta' erba' xhur bħala l-Borża ta' Studju ta' Fulbright fl-Università ta' Georgetown, iċ-ċentru ta' riċerka ewlieni f'Washington, D.C., u ffukat fuq l-iżvilupp tas-swieq kapitali fil-pajjiżi li jkunu għadhom qed jiżviluppaw. Matul is-soġġorn tagħha, hija ġiet mistiedna bħala kelliema f'avveniment għall-istudjużi taċ-Ċentru Internazzjonali ta' Woodrow Wilson sabiex tintroduċi l-isfidi sostanzjali fil-qasam tal-iżvilupp fil-Kosovo.
Fl-2009, Kusari-Lila ressqet b'mod uffiċjali l-kandidatura tagħha għal sindku ta' Gjakova f'isem il-partit Alleanza Ġdida tal-Kosovo (AKR). Hija laħqet Viċi Prim Ministru tal-Kosovo u Ministru għall-Kummerċ u l-Industrija fit-23 ta' Frar 2011, u ħadmet f'din il-kariga sat-2 ta' Ottubru 2013, meta rriżenjat mill-karigi kollha fil-gvern tal-Kosovo minħabba l-impenn tagħha f'kampanja elettorali għal sindku ta' Gjakova għat-tieni darba, u din id-darba rebħet l-elezzjoni fit-tieni rawnd. Hija saret l-ewwel sindku mara fl-istorja tal-Kosovo.
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ "Komuna Gjakove - Kryetarja". web.archive.org. 2015-04-05. Arkivjat mill-oriġinal fl-2015-04-05. Miġbur 2024-05-22.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "Biografia | Mimoza Kusari Lila". web.archive.org. 2015-02-15. Arkivjat mill-oriġinal fl-2015-02-15. Miġbur 2024-05-22.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)