Le Locle
Le Locle | |||
---|---|---|---|
Żvizzera | |||
| |||
Amministrazzjoni | |||
State | Żvizzera | ||
Canton of Switzerland | Neuchâtel | ||
District of the canton of Neuchâtel | Distrett ta' Le Locle | ||
Isem uffiċjali | Le Locle | ||
Ismijiet oriġinali | Le Locle | ||
Kodiċi postali |
2400 | ||
Ġeografija | |||
Koordinati | 47°03′11���N 6°44′53″E / 47.05317°N 6.74816°EKoordinati: 47°03′11″N 6°44′53″E / 47.05317°N 6.74816°E | ||
Superfiċjenti | 23.14 kilometru kwadru, 23.13 kilometru kwadru | ||
Għoli | 1,047 mu 971 m | ||
Fruntieri ma' | Les Planchettes (en) , La Chaux-de-Fonds, La Sagne (en) , Les Ponts-de-Martel (en) , La Chaux-du-Milieu (en) , Le Cerneux-Péquignot (en) u Villers-le-Lac (en) | ||
Demografija | |||
Popolazzjoni | 10,433 abitanti (31 Diċembru 2016) | ||
Informazzjoni oħra | |||
Kodiċi tat-telefon |
032 | ||
bliet ġemellati | Gérardmeru Sidmouth | ||
lelocle.ch |
Le Locle (pronunzja bil-Franċiż: [lə lɔkl]; bil-Ġermaniż: Luggli) hija muniċipalità fil-Kanton ta' Neuchâtel fl-Iżvizzera.
Tinsab fil-muntanji Jura, ftit kilometri 'l bogħod mill-belt ta' La Chaux-de-Fonds. Hija t-tielet l-iżgħar belt fl-Iżvizzera (fl-Iżvizzera post irid ikollu iżjed minn 10,000 abitant biex jitqies bħala belt).
Le Locle hija magħrufa bħala ċentru tal-produzzjoni tal-arloġġi Żvizzeri, u saħansitra tiġi kkwotata bħala l-post fejn twieldet din l-industrija, b'għeruq li jmorru lura għall-bidu tas-seklu 17.[1] Il-muniċipalità ospitat manifatturi bħal Favre-Leuba, Mido, Zodiac, Tissot, Ulysse Nardin, Zenith, Montblanc, Certina kif ukoll Universal Genève, qabel ma din il-kumpanija tal-aħħar rilokat lejn Ġinevra. L-istorja tal-belt fil-produzzjoni tal-arloġġi hija ddokumentata f'wieħed mill-ewwel mużewijiet tal-arloġġi fid-dinja, il-Musée d'Horlogerie du Locle, fil-Kastell ta' Monts, villa tas-seklu 19 fuq għolja fit-Tramuntana tal-belt.[2] Impjanti storiċi ta' taħt l-art ġew irrestawrati (impjant tal-qmuħ, impjant taż-żejt u impjant tal-qtugħ tal-injam) huma aċċessibbli f'għar li jinsab madwar kilometru (0.6 mili) fil-Punent taċ-ċentru tal-belt.[3]
Isem il-belt oriġina mit-terminu għal lag jew trou d'eau.
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Le Locle, flimkien ma' La Chaux-de-Fonds, baqgħu jeżistu bis-saħħa tal-manifattura u l-esportazzjoni tal-arloġġi. L-industrija tal-produzzjoni tal-arloġġi ġiet stabbilita f'Le Locle fis-seklu 17 minn Daniel Jeanrichard, produttur tal-arloġġi awtodidatta li ħeġġeġ il-bdiewa tal-inħawi jibdew jimmanifatturaw il-komponenti tal-arloġġi għalih matul ix-xtiewi twal. Fis-seklu 20 żdiedet l-industrija mikromekkanika.
Il-bliet tal-produzzjoni tal-arloġġi ta' Le Locle u ta' La Chaux-de-Fonds tniżżlu flimkien fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2009.[4]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[4]
Minħabba l-altitudni (madwar 1,000 metru (3,300 pied)) u n-nuqqas ta' ilma (il-blat poruż ta' taħt l-art huwa ġebla tal-ġir), l-art tal-belt ma tantx hija tajba għall-biedja. L-ippjanar u l-binjiet jirriflettu l-ħtieġa tal-artiġjani tal-produzzjoni tal-arloġġi għal organizzazzjoni razzjonali. Kollox reġa' nbena mill-ġdid fil-bidu tas-seklu 19 wara li nirien estensivi ħakmu l-belt.
Tul skema miftuħa ta' strixxi paralleli b'abitazzjonijiet residenzjali u bi studjos, l-ippjanar tal-belt jirrifletti l-ħtiġijiet tal-kultura lokali tal-produzzjoni tal-arloġġi li tmur lura għas-seklu 17, u li għadha ħajja sa llum il-ġurnata. Iż-żewġ bliet jirrappreżentaw eżempji straordinarji ta' bliet tal-manifattura monoindustrijali, u għadhom ippreservati u attivi sew. L-ippjanar urban tagħhom akkomoda t-tranżizzjoni mill-produzzjoni tal-artiġjani ta' industrija tad-djar tal-villeġġjatura għall-produzzjoni iktar ikkonċentrata tal-fabbriki tal-aħħar tas-sekli 19 u 20.
Karl Marx iddeskriva lil La Chaux-de-Fonds bħala “belt enormi tal-fabbriki” f'Das Kapital, fejn analizza t-tqassim tax-xogħol fl-industrija tal-produzzjoni tal-arloġġi fil-muntanji Jura.
Dawn iż-żewġ bliet huma l-għaxar Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-Iżvizzera, flimkien ma' oħrajn bħaċ-Ċentru Storiku ta' Bern, il-Kumpanija Ferrovjarja Retika, u l-Abbazija u l-Kunvent ta' Sankt Gallen.
Storja
[immodifika | immodifika s-sors]Le Locle tissemma għall-ewwel darba fl-1332 bħala dou Locle.[5]
L-iżjed traċċi bikrin ta' insedjamenti umani jmorru lura għall-aħħar tal-Mesolitiku (6000-5000 Q.K.) għall-kenn tal-Col des Roches. Is-sit jinkludi l-eqdem bċejjeċ tal-fuħħar li nstabu fil-Kanton ta' Neuchâtel, flimkien ma' bosta għodod, id-darsa ta' mammut u l-għadam taċ-ċriev u taċ-ċingjali. Dan il-post preistoriku għall-kenn ġie skopert fl-1926 minn uffiċjali tad-dwana u kien l-ewwel sit ta' dan it-tip li ġie studjat fl-Iżvizzera.
Madankollu, bejn l-4000 Q.K. u l-Medju Evu ma nafu xejn dwar l-inħawi ta' Le Locle.
Medju Evu
[immodifika | immodifika s-sors]Fl-1150, il-wied li fih iktar 'il quddiem inbniet Le Locle, ingħata minn Renaud u William Valanginian lill-abbazija ta' Fontaine-André. Fl-1360, Ġwanni II ta' Aarberg, il-Konti tal-Valangini, ingħata Le Locle bħala kumpens fewdali mill-Konti Lwiġi ta' Neuchâtel. Il-parti b'ħafna boskijiet tal-muntanji Jura madwar Le Locle ġiet ikklerjata mill-kolonjalisti li iktar 'il quddiem ingħataw l-istatus ta' raħħala ħelsin. Dawn l-ewwel bdiewa ħelsin ingħataw karta fl-1372 li kkodifikat id-drittijiet u l-libertajiet tagħhom. Fil-bidu tas-seklu 15, din il-karta ġiet ikkonfermata mill-ġdid matul l-istabbiliment tal-Mairie jew tal-gvern tal-belt. L-abitanti ta' Le Locle ngħataw id-dritt li jkunu sidien tal-art li kklerjaw, diment li kienu jibqgħu jaħdmuha u jħallsu t-taxxi għaliha. Il-kontijiet fewdali tawhom dawn id-drittijiet biex iħeġġu l-insedjamenti fil-muntanji. Fil-bidu tas-seklu 14 Le Locle u La Sagne ffurmaw parroċċa flimkien. Il-Knisja ta' Marija Maddalena f'Le Locle nbniet fl-1351.
Bħala riżultat taż-żieda fil-kunflitti transfruntiera, fl-1476, Le Locle daħlet f'alleanza difensiva ma' Bern.
Fl-1502, 37 ruħ f'Le Locle ngħataw l-opportunità li jħallsu £1,780 għat-titlu ta' "Ċittadin ta' Valangin". Dawn iċ-ċittadini kellhom il-privileġġ li jmexxu l-komunità u li jagħżlu s-sindku u l-uffiċjal ġudizzjarju tagħhom stess.
Era moderna bikrija
[immodifika | immodifika s-sors]It-torri tal-Knisja ta' Marija Maddalena, l-attrazzjoni prinċipali tal-belt, inbena fil-bidu tas-seklu 16. Ftit snin wara li nbena t-torri, fl-1536, Le Locle kkonvertiet għall-Protestantiżmu. Din il-knisja antika ġiet rikostruwita f'nofs is-seklu 18. Fl-1844 inbniet knisja Ġermaniża, li twaqqgħet fl-1967. Il-kappella Kattolika nbniet fl-1861.
Fl-1592, il-kontijiet fewdali Valangini rritornaw fil-Kontea ta' Neuchâtel, iżda la l-istatus ġuridiku tar-residenti tal-Mairie ta' Le Locle u lanqas il-funzjoni tagħha bħala qorti distrettwali ma ġew affettwati. L-alleanza tal-1476 ma' Bern baqgħet effettiva u matul il-Gwerra tat-Tletin Sena kif ukoll matul l-invażjoni ta' Lwiġi XIV fi Franche-Comté, is-suldati minn Bern ġew jagħtu sostenn lill-belt. Le Locle bagħtet is-suldati biex tappoġġa lill-alleat fl-1712 matul il-battalji ta' Mellingen u ta' Villmergen.
Il-pożizzjoni ta' Le Locle qrib il-fruntiera Franċiża kienet tfisser li l-belt spiss kellha relazzjoni mill-qrib ma' Franza. Dan kien speċjalment il-każ matul is-snin sar-Rivoluzzjoni Franċiża. Bosta residenti ta' Le Locle ltaqgħu fil-klabb Ġakobin f'Morteau biex jaħilfu li kienu se jagħtu s-sostenn tagħhom lill-Kostituzzjoni tal-1792. L-ispirtu rivoluzzjonarju wassal għal kunflitti bejn is-sostenituri tar-rivoluzzjoni u l-gvern l-antik. Ir-repressjoni sussegwenti tal-gvern wasslet biex bosta residenti ta' Le Locle ġew eżiljati fir-rebbiegħa tal-1793. Diversi mijiet ta' nies marru lejn Besançon, fejn sabu xogħol fil-Fabbrika Nazzjonali tal-Arloġġi li kienet ġiet stabbilita mill-Konvenzjoni Nazzjonali. Meta reġgħu lura f'Le Locle, ġabu magħhom produtturi tal-arloġġi li kienu tas-sengħa u li kellhom attitudni repubblikana.
Fl-1707, il-Prinċipat ta' Neuchâtel għadda għand ir-Re Federiku I fil-Prussja tal-Hohenzollern ibbażati f'Berlin, li mbagħad mexxa lil Neuchâtel f'unjoni personali. Napuljun Bonaparte ddepona lir-Re Federiku William III tal-Prussja bħala prinċep ta' Neuchâtel u ħatar minfloku lill-kap tal-persunal tiegħu Louis-Alexandre Berthier. Fl-1814 il-prinċipat reġa' ġie stabbilit f'idejn Federiku William III. Sena wara, huwa qabel li jħalli lill-prinċipat jingħaqad mal-Konfederazzjoni Żvizzera, li dak iż-żmien ma kinitx federazzjoni integrata, iżda konfederazzjoni, bħala membru sħiħ. B'hekk Neuchâtel saret l-ewwel u l-unika monarkija li għaqdet il-kantons Żvizzeri repubblikani għalkollox. Dan inbidel fl-1848, meta f'Le Locle bdiet ir-Rivoluzzjoni paċifika ta' Neuchâtel. Il-forzi favur il-monarkija arrendew u fit-28 ta' Frar 1848, il-bandiera tar-Repubblika Elvetika, simbolu tar-repubblika, ġiet olzata fuq il-belt. Ir-repubblika u l-kanton il-ġodda stabbilew il-Prefettura ta' Le Locle, li baqgħet teżisti sal-1935. Matul il-kontrorivoluzzjoni tal-1856 li ma rnexxietx, il-belt ġiet okkupata għal żmien qasir minn dawk li kienu favur il-monarkija.
Le Locle kemm-il darba nħarqet b'nirien kbar (fl-1683, fl-1765 u fl-1833). Ġiet rikostruwita għad-dehra attwali tagħha fit-tieni kwart tas-seklu 19, u saret iċ-ċentru tal-industrija tal-arloġġi.
Era moderna
[immodifika | immodifika s-sors]Minħabba li x-xmara ż-żgħira ta' Bied spiss kienet tfur fil-wied, fil-bidu tas-seklu 19 tħaffer kanal minn ġol-wied sal-Col des Roches. Sal-1898 ix-xmara kienet tintuża għall-forniment tal-enerġija għal diversi impjanti ta' taħt l-art.
Il-gvern tal-belt stabbilixxa l-iskola postsekondarja fl-1855 u fetaħ kulleġġ għat-taħriġ tal-għalliema fl-1866 kif ukoll skola tas-snajja' fl-1897. L-iskola tal-produzzjoni tal-arloġġi ġiet stabbilita fl-1868 li wittiet it-triq għall-istabbiliment tal-iskola teknika fl-1901-1902. Eventwalment din l-iskola saret id-Dipartiment tal-Inġinerija tal-Haute école d'arts appliqués Arc kif ukoll l-iskola tal-inġinerija taċ-ċentru interreġjonali tal-edukazzjoni vokazzjonali Montagnes neuchâteloises.
Il-belt għamlet sforzi kbar fil-kostruzzjoni tal-linji ferrovjarji. L-ewwel linja ferrovjarja lejn La Chaux-de-Fonds (1857) ġiet magħquda ma' linji lejn Besançon (1884) u Les Brenets (1890). Minkejja dan, Le Locle tbati minn ċertu iżolament u minn ammont kbir ta' traffiku li jgħaddi mill-belt.
Le Locle kisbet il-prosperità tagħha essenzjalment mill-industrija tal-arloġġi, b'mod partikolari l-manifattura ta' arloġġi tal-preċiżjoni u ta' għodod motorizzati. Daniel Jeanrichard kien fost il-pijuniera li stabbilixxa din il-fergħa tal-industrija f'Le Locle u fl-inħawi tal-belt. Fir-reġjun ta' Le Locle, kien hem biss xi 77 arloġġar li kienu attivi fl-1750. Sal-1800 dawn żdiedu għal iktar minn 800. Il-produzzjoni tal-arloġġi bdiet tieħu post l-agrikoltura u l-produzzjoni tal-bizzilla li kienu l-industriji prinċipali. Sal-aħħar tas-seklu 18, il-belt kienet timpjega madwar 500 produttur tal-bizzilla.
Le Locle ospitat għadd ta' produtturi tal-arloġġi u inventuri famużi, fosthom Abraham-Louis Perrelet, Jacques-Frédéric Houriet, Frédéric-Louis Favre-Bulle u David-Henri Grandjean. Fis-seklu 19 il-belt kienet magħrufa għall-kronometri tal-baħar u portabbli. L-industrija tal-produzzjoni tal-arloġġi ttrasformat lil Le Locle f'belt industrijali. Inizjalment ix-xogħol kollu kien isir bl-idejn fi ħwienet żgħar, iżda sal-aħħar kwart tas-seklu 19 inbnew l-ewwel fabbriki. L-introduzzjoni tal-produzzjoni mekkanizzata, żviluppat l-industrija minn arloġġi kompluti għall-għodod motorizzati u l-komponenti tal-arloġġi. Matul l-Ewwel Gwerra Dinjija u t-Tieni Gwerra Dinjija, xi impjanti, bħal dak ta' Zenith, li iktar 'il quddiem saret Dixi, speċjalizzaw fil-produzzjoni tal-armi. Il-produzzjoni tal-arloġġi kienet teħtieġ ukoll għadd ta' artisti u inventuri assoċjati. Il-bejjiegħ u l-pubblikatur tal-kotba Samuel Girardet (1730-1807) beda jżejjen l-oqfsa tal-arloġġi u eventwalment stabbilixxa dinastija ta' artisti u ta' inċiżuri. Il-Huguenin saru famużi għall-ħidma tagħhom fit-tpittir tal-oqfsa tal-arloġġi u tal-medalji. Stabbilita fl-1856, il-fabbrika taċ-ċikkulata u tal-ħelu, Klaus, baqgħet topera sal-1992.
Bħal fil-biċċa l-kbira tal-bliet tal-produzzjoni tal-arloġġi fil-muntanji Jura, il-ħajja politika u soċjali f'Le Locle kienet influwenzata ferm mill-ideat tar-radikaliżmu, tas-soċjaliżmu u iktar 'il quddiem tal-anarkiżmu. Il-Professur James Guillaume ppropona l-ħolqien ta' sezzjoni tal-Ħaddiema Internazzjonali fl-1866. L-organizzazzjonijiet Soċjalisti fejn kien jiġi mitkellem il-Ġermaniż, inkluż il-Grütliverein u l-Arbeiterverein huma xhieda li sal-aħħar tas-seklu 19, bosta ħaddiema mill-Iżvizzera Ġermaniża kienu jaħdmu f'Le Locle. Is-Soċjalisti organizzaw ruħhom f'partit politiku fl-1897 u sal-1912 kellhom il-maġġoranza fil-muniċipalità. Fl-1956, huma alleaw ruħhom u kienu appoġġati mill-Partit Żvizzeru tal-Ħaddiema. Is-Soċjalisti tilfu s-siġġu tagħhom fil-kunsill tal-gvern lokali fl-elezzjonijiet tal-1992, kontra l-movement Droit de parole, li m'għandux pjattaforma ta' partit tradizzjonali. Fl-2004, għall-ewwel darba, il-kunsill ġie ddeterminat minn plebixxit, u b'hekk il-Partit Żvizzeru tal-Ħaddiema (PdA) kiseb tliet siġġijiet, filwaqt li l-Partit Soċjal-Demokratiku tal-Iżvizzera (PS) u l-liberale Parti progressiste national kisbu siġġu kull wieħed.
Les Brenets
[immodifika | immodifika s-sors]Les Brenets tissemma għall-ewwel darba fl-1325 bħala chiez le Bruignet.[6]
Ġeografija
[immodifika | immodifika s-sors]Le Locle tinsab fuq in-naħa Żvizzera tal-cluse Col des Roches, li tifforma l-fruntiera bejn Franza u l-Iżvizzera.
Le Locle għandha erja (skont stħarriġ tal-2004-2009) ta' 34.69 km2 (13.39-il mil kwadru). Minn din l-erja, 12.41 km2 (4.79 mili kwadri) jew 53.6 % tintuża għal skopijiet agrikoli, filwaqt li 6.91 km2 (2.67 mili kwadri) jew 29.9 % hija msaġġra bil-foresti. Mill-bqija tal-art, 3.69 km2 (1.42 mil kwadru) jew 15.9 % hija insedjata (binjiet jew toroq) u 0.05 km2 (12.36-il akru) jew 0.2 % hija art mhux produttiva.
Miż-żona mibnija, il-binjiet industrijali jirrappreżentaw 1.4 % tal-erja totali, filwaqt li l-abitazzjonijiet u l-binjiet jirrappreżentaw 7.7 % u l-infrastruttura tat-trasport tirrappreżenta 4.7 %. Il-parks, iż-żoni ekoloġiċi u l-postijiet għall-isport jirrappreżentaw 1.3 %. Mill-art forestali, 26.7 % tal-erja totali tal-art hija msaġġra b'mod massiċċ bil-foresti u 3.2 % hija miksija bis-siġar tal-frott jew b'raggruppamenti żgħar ta' siġar. Mill-art agrikola, 0.0 % tintuża għat-tkabbir tal-għelejjel, 33.8 % hija mergħa, u 19.6 % tintuża għall-mergħat Alpini.
L-eks belt kapitali tad-distrett ta' Le Locle, sal-eliminazzjoni tagħha fl-2018, tinsab f'elevazzjoni ta' 946 metru (3,104 piedi).
Fl-1 ta' Jannar 2021, l-eks muniċipalità ta' Les Brenets saret ħaġa waħda mal-muniċipalità ta' Le Locle.[7]
Stemma
[immodifika | immodifika s-sors]L-istemma muniċipali hija magħmula minn Lozengy Gules u Or, fuq strixxa fiddiena u kaħlanija, fuq panew fiddien bit-tliet għoljiet Vert u b'bosta siġar taż-żnuber. Madankollu, l-istemma uffiċjali (li qajla tintuża) hija maqsuma f'erbgħa: tmien gules ħdejn xulxin u vert b'għadd ta' fjammi kaħlanija laterali, fuq salib fiddien kumplessiv.[8]
Demografija
[immodifika | immodifika s-sors]Le Locle għandha popolazzjoni (f'Diċembru 2020) ta' 9,864 ruħ.[9] Mill-2008, 26.0 % tal-popolazzjoni huma ċittadini barranin residenti fil-belt.[10] Matul l-aħħar 10 snin (2000-2010), il-popolazzjoni nbidlet b'rata ta' −2.8 %. Inbidlet b'rata ta' of 0 % minħabba l-migrazzjoni u b'rata ta' −2.2 % minħabba r-rati ta' twelid u ta' mwiet.[11]
Il-biċċa l-kbira tal-popolazzjoni (fis-sena 2000) titkellem bil-Franċiż (9,264 ruħ jew 88.0 %) bħala l-ewwel lingwa, bit-Taljan bħala l-iżjed tieni lingwa komuni (423 ruħ jew 4.0 %) u bil-Ġermaniż bħala t-tielet lingwa (203 ruħ jew 1.9 %). Hemm sitta min-nies li jitkellmu r-Romansh.[12]
Mill-2008, il-popolazzjoni kienet: 49.2 % irġiel u 50.8 % nisa. Il-popolazzjoni kienet magħmula minn 3,593 raġel Żvizzeru (35.7 % tal-popolazzjoni) u 1,354 (13.5 %) raġel mhux Żvizzeru. Kien hemm 3,949 mara Żvizzera (39.3 %) u 1,156 (11.5 %) mara mhux Żvizzera. Mill-popolazzjoni fil-muniċipalità, 3,884 ruħ jew madwar 36.9 % twieldu f'Le Locle u għexu hemmhekk fis-sena 2000. Kien hemm 1,882 ruħ jew 17.9 % li twieldu fl-istess kanton, filwaqt li 1,576 ruħ jew 15.0 % twieldu xi mkien ieħor fl-Iżvizzera, u 2,639 ruħ jew 25.1 % twieldu barra mill-Iżvizzera.
Mis-sena 2000, it-tfal u l-adolexxenti (0–19-il sena) jirrappreżentaw 22.5 % tal-popolazzjoni, filwaqt li l-adulti (20–64 sena) jirrappreżentaw 56.8 % u l-anzjani (iktar minn 64 sena) jirrappreżentaw 20.7 %.
Mis-sena 2000, kien hemm 3,891 ruħ li ma kellhomx sieħeb jew sieħba u li qatt ma żżewġu fil-muniċipalità. Kien hemm 5,133 individwu li żżewġu, 867 armel jew armla, u 638 individwu divorzjat.
Mis-sena 2000, kien hem 4,713-il abitazzjoni privata fil-muniċipalità, u medja ta' 2.1 persuni f'kull abitazzjoni. Kien hemm 1,787 abitazzjoni li jikkonsistu minn persuna waħda biss u 229 abitazzjoni b'ħames persuni jew iktar. Fis-sena 2000, total ta' 4,584 appartament (81.3 % mit-total) kienu okkupati b'mod permanenti, filwaqt li 391 appartament (6.9 %) kienu okkupati b'mod staġjonali u 663 appartament (11.8 %) kienu vojta. Mill-2009, ir-rata tal-kostruzzjoni ta' unitajiet domestiċi ġodda kienet ta' 0.1 unità ġdida għal kull 1,000 resident. Ir-rata ta' postijiet battala fil-muniċipalità, fl-2010, kienet ta' 5.71 %.[13]
Il-popolazzjoni storika tingħata fiċ-ċart li ġejja:[14]
Siti ta' importanza nazzjonali
[immodifika | immodifika s-sors]L-Ancien Hôtel des Postes, il-Kastell ta' Monts u l-Museum d’horlogerie, il-Muniċipju, l-Immeuble, il-Moulins souterrains du Col-des-Roches (imħtieħen taħt l-art fil-Col des Roches), il-Villa Favre-Jacot u l-binja Zenith SA huma elenkati bħala wirt Żvizzeru u siti ta' importanza nazzjonali.
-
Kastell/Villa ta' Monts (Château des Monts).
-
Villa Favre-Jacot
-
Il-Muniċipju.
-
Il-binja ta' Zenith.
-
Mużew tal-arloġġi u tal-arloġġi tal-idejn f'"Château des Monts".
-
Id-dar ta' Houriet, fit-Triq Crêt Vaillant 28.
Politika
[immodifika | immodifika s-sors]Fl-elezzjoni federali tal-2007, l-iżjed partit popolari kien il-partit PdA li kiseb 24.8 % tal-voti. It-tliet partiti l-oħra li kienu l-iktar popolari kien SP (22.38 %), SVP (20.57 %) u LPS (16.13 %). Fl-elezzjoni federali nxteħtu total ta' 3,204 voti, u ħarġu jivvutaw 49.3 % tal-popolazzjoni.
Ekonomija
[immodifika | immodifika s-sors]Mill-2010, Le Locle kellha rata ta' qgħad ta' 7.6 %. Mill-2008, kien hemm 95 ruħ li kienu impjegati fis-settur ekonomiku primarju u madwar 38 negozju involuti f'dan is-settur. 5,355 ruħ kienu impjegati fis-settur ekonomiku sekondarju u madwar 196 negozju involuti f'dan is-settur. 2,409 ruħ kienu impjegati fis-settur terzjarju, bi 300 negozju f'dan is-settur. Kien hem 4,855 resident tal-muniċipalità li kienu impjegati b'xi mod jew b'ieħor, u minnhom in-nisa kienu jirrappreżentaw 44.0 % tal-forza tax-xogħol.
Fl-2008 l-għadd totali ta' impjiegi ekwivalenti għal full-time kienu 7,160 impjieg. L-għadd ta' impjiegi fis-settur primarju kien 71 impjieg, li minnhom 49 impjieg kienu fl-agrikoltura, 17 kienu impjegati fil-forestrija jew il-produzzjoni tal-injam u ħamsa kienu impjegati fis-sajd. L-għadd ta' impjiegi fis-settur sekondarju kien 5,141 impjieg, li minnhom 4,944 impjiegi jew (96.2 %) kienu fil-manifattura, wieħed kien fix-xogħol tal-minjieri u 150 (2.9 %) kienu fil-kostruzzjoni. L-għadd ta' impjiegi fis-settur terzjarju kien 1,948 impjieg. Fis-settur terzjarju; 591 impjieg jew 30.3 % kienu fil-bejgħ bl-ingrossa jew fil-bejgħ bl-imnut jew fit-tiswija tal-vetturi bil-mutur, 79 impjiegi jew 4.1 % kienu fit-trasport u l-ħżin tal-oġġetti, 128 impjieg jew 6.6 % kienu f'lukanda jew f'ristorant, 13-il impjieg jew 0.7 % kienu fl-industrija informatika, 58 impjieg jew 3.0 % kienu fl-industrija finanzjarja jew fl-assigurazzjoni, 94 impjieg jew 4.8 % kienu ta' professjonisti tekniċi jew xjenzati, 349 impjieg jew 17.9 % kienu fl-edukazzjoni u 409 impjiegi jew 21.0 % kienu fil-kura tas-saħħa.
Fis-sena 2000, kien hemm 4,232 ħaddiem li kienu jivvjaġġaw lejn il-muniċipalità u 1,877 ħaddiem li kienu jivvjaġġaw lura minnha. Il-muniċipalità hija importatur nett ta' ħaddiema, b'madwar 2.3 ħaddiema jidħlu fil-muniċipalità għal kull wieħed li jitlaq minnha. Madwar 26.2 % tal-forza tax-xogħol li tiġi f'Le Locle tiġi minn barra l-Iżvizzera, filwaqt li 0.2 % taċ-ċittadini lokali jivvjaġġaw barra mill-Iżvizzera minħabba x-xogħol. Mill-popolazzjoni tal-ħaddiema, 13.7 % kienu jużaw it-trasport pubbliku biex imorru jaħdmu u 59.6 % kienu jużaw il-karozza privata.
Reliġjon
[immodifika | immodifika s-sors]Miċ-ċensiment tas-sena 2000, 3,582 ruħ jew 34.0 % tal-popolazzjoni kienu Kattoliċi Rumani, filwaqt li 3,140 ruħ jew 29.8 % kinu parti mill-Knisja Riformata Żvizzera. Mill-bqija tal-popolazzjoni, kien hemm 56 membru tal-Knisja Ortodossa (jew madwar 0.53 % tal-popolazzjoni), 27 individwu (jew madwar 0.26 % tal-popolazzjoni) tal-Knisja Kattolika Kristjana, u kien hemm 677 individwu (jew madwar 6.43 % tal-popolazzjoni) ta' Knisja Kristjana oħra. Kien hemm 329 ruħ (jew madwar 3.12 % tal-popolazzjoni) li kienu Iżlamiċi. 27 individwu kienu Buddisti, filwaqt li persuna waħda kienet Induista u tmien individwi ta' knisja oħra. 2,415-il ruħ (jew madwar 22.94 % tal-popolazzjoni) ma kienet tagħmel parti ma' l-ebda knisja, kienu anjostiċi jew atei, u 599 individwu (jew madwar 5.69 % tal-popolazzjoni) ma weġbux il-mistoqsija dwar ir-reliġjon.
Edukazzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]F'Le Locle madwar 3,445 ruħ jew (32.7 %) tal-popolazzjoni temmew l-edukazzjoni sekondarja superjuri mhux obbligatorja, u 1,035 ruħ jew (9.8 %) temmew l-edukazzjoni superjuri addizzjonali (jew università jew Fachhochschule). Mill-1,035 ruħ li temmew l-iskola terzjarja, 55.7 % kienu rġiel Żvizzeri, 22.1 % kienu nisa Żvizzeri, 15.6 % kienu rġiel mhux Żvizzeri u 6.7 % kienu nista mhux Żvizzeri.
Fil-kanton ta' Neuchâtel il-biċċa l-kbira tal-muniċipalitajiet jipprovdu sentejn ta' kindergarten mhux obbligatorja, segwiti minn ħames snin ta' edukazzjoni primarja obbligatorja. L-erba' snin ta' wara tal-edukazzjoni sekondarja obbligatorja tiġi pprovduta fi tlettax-il skola sekondarja kbira, li bosta studenti jivvjaġġaw lejha mill-muniċipalità domestika tagħhom biex jattendu. Matul is-sena skolastika 2010–2011, kien hemm 10 klassijiet tal-kindergarten b'total ta' 185 student f'Le Locle. Fl-istess sena, kien hemm 31 klassi primarja b'total ta' 564 student.
Mis-sena 2000, kien hemm 622 student f'Le Locle li kienu ġejjin minn munċipalità oħra, filwaqt li 250 resident attendew skejjel ta' barra l-muniċipalità.
Le Locle tospita l-librerija msejħa Bibliothèque de la Ville Le Locle.
Trasport
[immodifika | immodifika s-sors]Le Locle għandha diversi stazzjonijiet ferrovjarji; l-istazzjon primarju huwa dak ta' Le Locle, tal-linja Neuchâtel–Le Locle-Col-des-Roches, b'servizz frekwenti lejn La Chaux-de-Fonds u Neuchâtel.
Le Remontoir huwa lift inklinat bejn l-istazzjon ferrovjarju ta' Le Locle u ċ-ċentru tal-belt.
Ġemellaġġ
[immodifika | immodifika s-sors]Le Locle hija ġemellata ma':
- Gérardmer, Franza;
- Sidmouth, Devon, l-Ingilterra.
Nies notevoli
[immodifika | immodifika s-sors]- Charles Girardet (twieled fl-1813 f'Le Locle – miet fl-1871), pittur u illustratur;
- Charles-Alexandre Steinhäuslin (twieled fl-1827 f'Le Locle – miet fl-1890), artist, suldat, negozjant u politiku Żvizzeru;
- Charles B. Borel (twieled fl-1883 f'Le Locle – miet fl-1960), rikkieb Amerikan fit-tiġrijiet taż-żwiemel, rebaħ il-Kentucky Derby tal-1917;
- Lucien Lesna (1863 in Le Locle – 1932), ċiklist, rebaħ it-tlielaq ta' Pariġi–Roubaix tal-1901 u tal-1902;
- Oscar Tschirky (1866–1950), maître d'hôtel fil-Lukanda Waldorf Astoria New York;
- Paul Konrad (twieled fl-1877 f'Le Locle – miet fl-1948), ġeometra u mikologu dilettant Żvizzeru;
- Henri Rheinwald (twieled fl-1884 f'Le Locle – miet fl-1968), ċiklist;
- Pierre Favre (twieled fl-1937 f'Le Locle), mużiċist jazz li jdoqq it-tnabar;
- André Jeanquartier (twieled fl-1941 f'Le Locle), pjanist jazz Żvizzeru;
- Francis Matthey (twieled fl-1942 f'Le Locle), politiku Żvizzeru;
- Bernard Challandes (twieled fl-1951 f'Le Locle), kowċ tal-futbol;
- Sébastien Jeanneret (twieled fl-1973 f'Le Locle), eks plejer tal-futbol Żvizzeru, li lagħab kważi 300 logħba mal-klabbs u 18-il logħba mat-tim nazzjonali.
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ Teller, Matthew (2010). The Rough Guide to Switzerland. Rough Guides. ISBN 1-84836-471-7.
- ^ "Accueil - Musée d'horlogerie du Locle". web.archive.org. 2008-06-18. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2008-06-18. Miġbur 2023-05-30.
- ^ "Accueil". Moulins souterrains du Col-des-Roches (bil-Franċiż). Miġbur 2023-05-30.
- ^ a b Centre, UNESCO World Heritage. "La Chaux-de-Fonds / Le Locle, Watchmaking Town Planning". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-05-30.
- ^ "Locle, Le". hls-dhs-dss.ch (bit-Taljan). Miġbur 2023-05-30.
- ^ "Brenets, Les". hls-dhs-dss.ch (bit-Taljan). Miġbur 2023-05-30.
- ^ "Applikation der Schweizer Gemeinden | Applikation der Schweizer Gemeinden". www.agvchapp.bfs.admin.ch. Miġbur 2023-05-30.
- ^ "Le Locle commune (Neuchâtel canton, Switzerland)". www.crwflags.com. Miġbur 2023-05-30.
- ^ "PX-Web - Tabelle wählen". www.pxweb.bfs.admin.ch. Miġbur 2023-05-30.
- ^ "Statistik Schweiz - Login". web.archive.org. 2010-06-28. Arkivjat mill-oriġinal fl-2010-06-28. Miġbur 2023-05-30.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "Swiss Statistics - Portraits of communes". web.archive.org. 2016-01-05. Arkivjat mill-oriġinal fl-2016-01-05. Miġbur 2023-05-30.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "40.3 - 2000". web.archive.org. 2013-08-09. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2013-08-09. Miġbur 2023-05-30.
- ^ "09.2 - Gebaude und Wohnungen". web.archive.org. 2014-09-07. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2014-09-07. Miġbur 2023-05-30.
- ^ "40.4 - 1850-2000". web.archive.org. 2014-09-30. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2014-09-30. Miġbur 2023-05-30.