Aqbeż għall-kontentut

Armata tat-Terrakotta

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
L-Armata tat-Terrakotta fil-Fossa Nru 1

L-Armata tat-Terrakotta hija kollezzjoni ta' skulturi tat-terrakotta tal-armati ta' Qin Shi Huang, l-ewwel Imperatur taċ-Ċina. Hija forma ta' arti funebri li ndifnet mal-imperatur fil-210-209 Q.K. bl-iskop li l-imperatur jiġi mħares wara mewtu.

L-iskulturi, li jmorru lura għall-ħabta tal-aħħar tat-tielet seklu Q.K.[1], ġew skoperti fl-1974 minn bdiewa lokali fil-Kontea ta' Lintong, 'il barra minn Xi'an, Shaanxi, iċ-Ċina. L-iskulturi jvarjaw fit-tul skont ir-rwoli tagħhom; l-itwal huma l-ġenerali. Fost l-iskulturi hemm ġellieda u karrijiet miġbuda miż-żwiemel. Skont stimi mill-2007 fit-tliet fosos l-Armata tat-Terrakotta kienet magħmula minn iktar minn 8,000 suldat, 130 karru b'520 żiemel, u 150 żiemel tal-kavallerija, li l-maġġoranza tagħhom għadhom midfuna fil-fosos qrib il-mawżolew ta' Qin Shi Huang.[2] F'fosos oħra nstabu skulturi ta' figuri mhux militari tat-terrakotta, fosthom uffiċjali, akrobati, irġiel b'saħħithom u mużiċisti.[3]

L-Armata tat-Terrakotta mill-viċin

Il-kostruzzjoni tal-qabar ġiet deskritta mill-istoriku Sima Qian (145-90 Q.K.) fir-Reġistri tal-Istoriku l-Kbir, l-ewwel wieħed minn 24 reġistru tal-istorja tad-dinastiji taċ-Ċina, li nkiteb seklu wara t-tlestija tal-mawżolew. Ix-xogħol fuq il-mawżolew inbeda fil-246 Q.K. ftit wara li l-Imperatur Qin (li dak iż-żmien kellu 13-il sena) tela' fuq it-tron, u l-proġett eventwalment involva lil 700,000 ħaddiem reklutat.[4] Il-ġeografu Li Daoyuan, li kiteb sitt sekli wara l-mewt tal-ewwel imperatur, iddokumenta fis-Shui Jing Zhu li l-Għolja ta' Li kienet post iffavurit minħabba l-ġeoloġija favorevoli tagħha: "famuża għall-minjieri tal-ġadi, in-naħa tat-Tramuntana tagħha kienet rikka bid-deheb, u n-naħa tan-Nofsinhar tagħha kienet rikka bil-ġada mill-isbaħ; l-ewwel imperatur, li kien jaf bir-reputazzjoni fina tal-post, għalhekk ried jindifen hemm".[5][6]

It-tumbata fejn jinstab il-mawżolew

Sima Qian kiteb li l-ewwel imperatur indifen flimkien ma' palazzi, torrijiet, uffiċjali, artefatti prezzjużi u oġġetti mill-isbaħ. Skont dan ir-rendikont, ġew simulati l-flussi ta' 100 xmara bl-użu tal-merkurju, u fuqhom is-saqaf ġie ddekorat b'korpi tas-smewwiet, u taħthom kien hemm il-karatteristiċi tal-art. Xi traduzzjonijiet ta' din is-silta jirreferu għal "mudelli" jew "imitazzjonijiet"; madankollu, dawk il-kelmiet ma ntużawx fit-test oriġinali, li ma jsemmix l-armata tat-terrakotta.[7] Instabu livelli għoljin ta' merkurju fil-ħamrija tat-tumbata funebri, li taw iktar kredibbiltà lir-rendikont ta' Sima Qian.[8] Rendikonti storiċi li tfasslu iktar 'il quddiem issuġġerew li l-kumpless u l-qabar innifsu ġie misruq minn Xiang Yu, kontendent għat-tron wara mewt l-ewwel imperatur.[9][10][11] Madankollu, hemm indikazzjonijiet li l-qabar innifsu jaf ma ġiex misruq.[12]

Il-mużew tal-Armata tat-Terrakotta

L-Armata tat-Terrakotta ġiet skoperta fid-29 ta' Marzu 1974 minn grupp ta' bdiewa — Yang Zhifa, il-ħames aħwa tiegħu, flimkien mal-ġar tiegħu Wang Puzhi — li kienu qed iħaffru bir bejn wieħed u ieħor 1.5 kilometri fil-Lvant tat-tumbata funebri tal-Imperatur Qin fl-Għolja ta' Li (Lishan), reġjun mimli nixxigħat u fawwara taħt l-art.[13][14] Għal sekli sħaħ, rapporti okkażjonali semmew bċejjeċ ta' skulturi tat-terrakotta u frammenti tan-nekropoli ta' Qin – tavi tas-saqaf, brikks u bċejjeċ tal-bini.[15] Din l-iskoperta wasslet biex arkeologi Ċiniżi, fosthom Zhao Kangmin, jinvestigaw[16], u b'hekk ġie żvelat l-ikbar grupp ta' skulturi tal-fuħħar li qatt instab. Minn dak iż-żmien 'l hawn inbena fil-post u l-ikbar fossa ġiet mgħottija bi struttura msaqqfa.[17]

Wieħed mill-karrijiet tal-bronż miġbud miż-żwiemel li issa jinsab fil-mużew

L-Armata tat-Terrakotta hija parti minn nekropoli ferm akbar. Permezz ta' tagħmir bir-radar li jippenetra l-art u t-teħid ta' kampjuni mill-art, ġie mkejjel li l-erja tas-sit hija madwar 98 kilometru kwadru.[18]

In-nekropoli nbniet bħala mikrokożmu tal-palazz jew il-binja imperjali tal-imperatur, u tkopri żona kbira madwar tumbata funebri li tinsab quddiem l-Għolja ta' Li u li nbniet f'għamla ta' piramida[19]; hija mdawra b'żewġ ħitan imsaħħa tal-ħamrija b'għadd ta' daħliet. In-nekropoli tikkonsisti minn diversi uffiċċji, swali, stalel, u strutturi oħra kif ukoll park imperjali madwar it-tumbata funebri.

Il-ġellieda jinsabu bilwieqfa jgħassu n-naħa tal-Lvant tal-qabar. Sa ħames metri (16-il pied) ta' ħamrija mrammla ħamranija kienet akkumulat fuq is-sit fiż-żewġ millenji ta' wara l-kostruzzjoni, iżda l-arkeologi sabu evidenza ta' disturbi iktar bikrin fis-sit. Matul l-iskavi ħdejn it-tumbata funebri tal-Għolja ta' Li, l-arkeologi sabu diversi oqbra li jmorru lura għas-sekli 18 u 19, fejn dawk li ħaffruhom milli jidher laqtu frammenti tat-terrakotta. Dawn ġew injorati, ġew meqjusa li ma kellhomx valur, u ntużaw flimkien mal-ħamrija biex l-iskavi jerġgħu jintradmu.[20]

Il-qabar jidher bħala spazju ssiġillat ermetikament li għandu d-daqs ta' bejn wieħed u ieħor grawnd tal-futbol (xi 100 × 75 m).[21][22] Il-qabar għadu mirdum, possibbilment minħabba t-tħassib rigward il-preservazzjoni tal-artefatti tiegħu. Pereżempju, wara l-iskavi tal-Armata tat-Terrakotta, is-superfiċe miżbugħa li kellhom xi skulturi tat-terrakotta bdiet titqarqaċ u l-kulur beda jmur.[23] Il-verniċ ta' fuq iż-żebgħa jista' jitqarqaċ fi ħmistax-il sekonda ladarba jiġi espost għall-arja niexfa ta' Xi'an u jista' jitqaxxar għalkollox fi żmien erba' minuti biss.[24]

Sit tal-iskavi

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-Fossa Nru 1, l-ikbar fossa li ġiet skavata tal-Armata tat-Terrakotta

Ġew skavati erba' fosos prinċipali b'fond ta' madwar seba' metri (23 pied).[25][26] Dawn jinsabu bejn wieħed u ieħor 1.5 kilometru fil-Lvant tat-tumbata funebri. Is-suldati ta' ġo fihom kienu mqiegħda qishom kienu qed jgħassu l-qabar mil-Lvant, fejn kienu jinsabu l-istati maħkuma mill-Imperatur Qin.

Il-Fossa Nru 1, li hija twila 230 metru (750 pied) u wiesgħa 62 metru (203 pied), fiha l-armata prinċipali b'iktar minn 6,000 skultura.[27] Il-Fossa Nru 1 fiha ħdax-il kuritur, il-biċċa l-kbira minnhom wesgħin iktar minn tliet metri (10 piedi) u pavimentati bi brikks żgħar u msaqqfa b'saqaf tal-injam mirfud minn xorok u arbli kbar. Dan id-disinn intuża wkoll għall-oqbra tan-nobbli u meta nbnew kienu jixbħu l-kurituri tal-palazzi. Is-soqfa tal-injam kienu mgħottija b'biċċiet tal-qasab u saffi tat-tafal biex jilqgħu kontra l-ilma, u mbagħad kienu mirduma b'iktar ħamrija sa għoli ta' madwar żewġ sa tliet metri 'l fuq mil-livell tal-art tal-madwar meta tlestew.[28]

L-Armata tat-Terrakotta u fdalijiet tal-istruttura bix-xorok tal-injam fuq il-lemin

Il-Fossa Nru 2 fiha unitajiet tal-kavallerija u tal-fanterija kif ukoll karrijiet tal-gwerra miġbuda miż-żwiemel u jingħad li x'aktarx jirrappreżentaw unitajiet ta' gwardja militari. Il-Fossa Nru 3 hija l-unità tal-kmand, bl-uffiċjali għoljin u karru tal-gwerra miġbud miż-żwiemel. Il-Fossa Nru 4 hija vojta, u forsi tħalliet mhux kompluta dak iż-żmien.

Uħud mill-iskulturi fil-Fosos Nri 1 u 2 fihom sinjali ta' ħsara minn nirien, filwaqt li nstabu wkoll fdalijiet ta' xorok tas-soqfa maħruqa.[29] Dawn, flimkien mal-armi neqsin, tqiesu bħala evidenza tas-serq irrapportat minn Xiang Yu u l-ħruq sussegwenti tas-sit, li jingħad li kkawża ċ-ċediment tas-saqaf u l-qerda ta' wħud mill-iskulturi tal-armata ta' taħt is-saqaf. L-iskulturi tat-terrakotta esposti attwalment ġew irrestawrati mill-frammenti li nstabu.

Fosos oħra li kienu jiffurmaw parti min-nekropoli ġew skavati wkoll.[30] Dawn il-fosos jinsabu fi ħdan il-ħitan u lil hinn minnhom madwar it-tumbata funebri. Fihom instabu karrijiet tal-bronż, skulturi tat-terrakotta ta' akrobati u rġiel b'saħħithom, uffiċjali, ilbies tal-armata tal-ġebel, siti funebri taż-żwiemel, annimali rari u ħaddiema, kif ukoll graw u papri tal-bronż f'park taħt l-art.[3]

Suldat tat-terrakotta

L-iskulturi tat-terrakotta għandhom daqs ta' bniedem reali, tipikament twal bejn 175 cm sa madwar 200 cm (l-uffiċjali huma tipikament itwal). Ivarjaw fit-tul, fl-uniformi, u fl-istil tax-xagħar skont il-grad tagħhom fl-armata. Il-bixra ta' wiċċhom donnha tidher differenti għal kull skultura individwali; madankollu, l-istudjużi identifikaw għaxar bixriet bażiċi differenti.[31] L-iskulturi jistgħu jinqasmu fit-tipi li ġejjin: il-fanterija bl-armatura; il-fanterija mingħajr armatura; il-kavallerija libsin kappell; is-sewwieqa tal-karrijiet bl-elmu u b'iktar oġġetti tal-armatura ta' protezzjoni; is-sewwieqa tal-karrijiet bil-lanez; l-arċiera jew is-suldati bil-qwas għarkupptejhom libsin l-armatura; l-arċiera bilwieqfa mingħajr armatura; kif ukoll il-ġenerali u uffiċjali oħra ta' grad inferjuri.[32] Madankollu, hemm bosta varjazzjonijiet fl-uniformijiet fi ħdan il-gradi: pereżempju, uħud libsin armatura ta' protezzjoni mal-qasba tas-sieq u oħrajn le; jaf ikunu libsin qalziet twil jew qasir, uħud minnhom ikkuttunati; u l-armaturi ma' ġisimhom ivarjaw skont il-grad, il-funzjoni u l-pożizzjoni tagħhom fil-formazzjoni.[33] Hemm ukoll żwiemel tat-terrakotta qalb l-iskulturi tal-ġellieda.

Ġeneral (xellug) u uffiċjal ta' grad medju (lemin) tal-Armata tat-Terrakotta

Oriġinarjament, l-iskulturi kienu miżbugħa: b'ħaġar prezzjuż mitħun, b'għadam maħruq b'mod intensiv (għal-lewn abjad), b'pigmenti tal-ossidu tal-ħadid (għal-lewn aħmar skur), taċ-ċinabru (għal-lewn aħmar), tal-malakit (għal-lewn aħdar), tal-ażurit (għal-lewn blu), tal-karbonju (għal-lewn l-iswed), ta' taħlita tas-silikati taċ-ċinabru, tal-barju u tar-ram (għal-lewn vjola Ċiniż jew tal-Han), b'likwidu jwaħħal tas-siġar minn sors mill-qrib (x'aktarx mis-siġar tal-verniċ Ċiniż; għal-lewn kannella). Kuluri oħra jinkludu r-roża, il-lelà, l-aħmar, l-abjad[34], u kulur ieħor mhux identifikat.[35] L-irtokk tal-aħħar bil-verniċ ikkulurit u l-fattizzi individwali fuq wiċċ il-komponenti tal-armata kienu jagħtu dehra iktar realistika lill-iskulturi, bil-ħuġbejn, il-mustaċċi u d-daqna bl-iswed u l-uċuħ bir-roża.[36]

Madankollu, fil-klima niexfa ta' Xi'an, il-biċċa l-kbira tal-kulur beda jitqarqaċ u jitqaxxar mill-ewwel f'inqas minn erba' minuti wara t-tneħħija tat-tajn minn mal-armata.[35]

Replika ta' kif setgħu jidhru oriġinarjament il-ġellieda tat-terrakotta

Xi studjużi spekulaw li jaf hemm xi rabta Ellenistika possibbli ma' dawn l-iskulturi, minħabba n-nuqqas ta' skulturi realistiċi u ta' daqs ta' bniedem qabel id-dinastija Qin.[37][38] Huma sostnew li l-influwenza Griega potenzjali hija partikolarment evidenti f'xi skulturi tat-terrakotta bħal dawk tal-akrobati, flimkien ma' artefatti tal-bronż rari magħmula bit-teknika mitlufa tax-xama' li kienet magħrufa fil-Greċja u fl-Eġittu.[39][40] Madankollu, din l-idea ma ntlaqgħetx minn studjużi oħra li sostnew li ma hemm "l-ebda evidenza sostanzjali" li qatt kien hemm kuntatt bejn il-Griegi Antiki u l-bennejja Ċiniżi tal-qabar, u l-bażi ta' tali spekulazzjoni spiss mhix preċiża jew hija interpretazzjoni żbaljata ta' materjali jew ipoteżijiet imġebbda wisq.[41][42] Huma jsostnu li tali spekulazzjonijiet iserrħu fuq ideat żbaljati u "Ewroċentriċi" antiki li kienu jassumu li ċivilizzazzjonijiet oħra ma kinux kapaċi jkollhom l-istess livell ta' arti u ta' sengħa ssofistikati u b'hekk bħallikieku kollox irid jitqies mil-lenti tat-tradizzjonijiet tal-Punent.[43]

Elmu tal-Gwardjani tal-ewwel imperatur taċ-Ċina

L-iskulturi tal-armata tat-terrakotta ġew magħmula minn ħaddiema u artiġjani lokali tal-gvern bl-użu ta' materjali lokali fil-postijiet tax-xogħol tagħhom mhux fis-sit stess tal-qabar. L-irjus, ir-riġlejn u l-kumplament tal-iġsma ġew prodotti separatament u mbagħad kienu jiġu assemblati u jitwaħħlu flimkien bil-kolla. Meta kienu jitlestew, l-iskultura tat-terrakotta kienu jitpoġġew fil-fosos fil-formazzjoni militari preċiża skont il-grad u d-dmir tagħhom.[44]

L-uċuħ kienu jsiru bl-użu ta' forom, u x'aktarx li ntużaw mill-inqas għaxar forom differenti. Imbagħad, wara l-assemblaġġ, kien jiżdied it-tafal sabiex il-fattizzi individwali tal-iskulturi kienu jidhru differenti.[45] Jingħad li r-riġlejn tal-ġellieda kienu jsiru bl-istess mod kif kienu jsiru l-pajpijiet tad-dranaġġ tat-terrakotta dak iż-żmien. B'hekk il-proċess jista' jitqies bħala produzzjoni tal-linja tal-assemblaġġ, b'partijiet speċifiċi li kienu jiġu mmanifatturati u assemblati wara li joħorġu mill-forn, u mhux jintefgħu fil-forn bħala skultura sħiħa. Dak iż-żmien fejn il-kontroll imperjali kien wieħed rigoruż, kull studjo tal-ħaddiema kien meħtieġ iħalli marka li turi min ipproduċa l-oġġetti sabiex jiġi żgurat il-kontroll tal-kwalità. Dan għen lill-istoriċi moderni jivverifikaw liema studjos ġew imqabbdin jagħmlu x-xogħol għall-oġġetti kollha tal-armata tat-terrakotta.

Armatura tal-Gwardjani tal-ewwel imperatur taċ-Ċina

Il-biċċa l-kbira tal-iskulturi oriġinarjament kellhom armi reali, li kienu jkomplu jżidu d-dehra reali tagħhom. Il-maġġoranza ta' dawn l-armi nsterqu ftit wara l-ħolqien tal-armata jew ittieklu biż-żmien. Minkejja dan, ġew irkuprati iżjed minn 40,000 arma tal-bronż, inkluż xwabel, sejfijiet, labardi, lanez, mannari tal-battalji, ximitarri, tarki, qwas, u tagħmir ta' mal-qwas. Il-biċċa l-kbira tal-oġġetti li ġew irkuprati huma l-ponot tal-vleġeġ, li tipikament instabu miġbura f'pakketti ta' 100 unità.[46][47] Studji dwar dawn il-ponot tal-vleġeġ jissuġġerixxu li ġew prodotti minn studjos awtonomi u awtosuffiċjenti bl-użu ta' proċess magħruf bħala produzzjoni ċellulari jew Toyotiżmu.[48] Xi armi kienu miksijin b'saff ta' bejn 10 mikrometri u 15-il mikrometru ta' diossidu tal-kromju qabel ma ndifnu li jingħad li pproteġihom milli jittieklu f'dawn l-aħħar 2,200 sena.[49][50] Madankollu, ir-riċerka fl-2019 indikat li l-kromju kien sempliċement kontaminazzjoni mill-verniċ fil-qrib, mhux mezz ta' protezzjoni tal-armi. Il-pH kemxejn alkaliniku u d-daqs żgħir tal-partikuli tal-ħamrija tad-dfin x'aktarx li ppreservaw l-armi.[51]

Ix-xwabel fihom liga tar-ram, tal-landa, u ta' elementi oħra, fosthom in-nikil, il-manjeżju u l-kobalt. Uħud għandhom iskrizzjonijiet miktuba fuqhom bid-data tal-manifattura tagħhom bejn il-245 u l-228 Q.K., li hija indikazzjoni li kienu ntużaw qabel id-dfin.[52]

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]
Raġġ tax-xemx fuq xi komponenti tal-Armata tat-Terrakotta

Il-Mawżolew tal-Ewwel Imperatur Qin, li jinkludi l-Armata tat-Terrakotta, ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1987.[53]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' erba' kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[53]

Eżibizzjonijiet

[immodifika | immodifika s-sors]

Matul is-snin, madwar id-dinja saru diversi wirjiet jew eżibizzjonijiet dwar l-Armata tat-Terrakotta, fejn għadd ta' artefatti, oġġetti jew l-iskulturi oriġinali kif ukoll repliki tagħhom intwerew lill-pubbliku.

Bejn Marzu u Lulju 2007, disa' ġellieda mill-Armata tat-Terrakotta ntwerew lill-pubbliku fil-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija, fil-Belt Valletta, Malta.[54][55][56]

  1. ^ Lu Yanchou; Zhang Jingzhao; Xie Jun; Wang Xueli (1988). "TL dating of pottery sherds and baked soil from the Xian Terracotta Army Site, Shaanxi Province, China". International Journal of Radiation Applications and Instrumentation. Part D. Nuclear Tracks and Radiation Measurements. 14 (1–2): 283–286.
  2. ^ Portal, Jane (2007). The First Emperor: China's Terracotta Army. Harvard University Press. ISBN 978-0-674-02697-1. p. 167.
  3. ^ a b "Decoding the Mausoleum of Emperor Qin Shihuang". www.chinadaily.com.cn. Miġbur 2021-09-11.
  4. ^ "Pre-Qin and Han - Chinese Text Project". ctext.org (biċ-Ċiniż). Miġbur 2021-09-11.
  5. ^ Clements, Jonathan (18 January 2007). The First Emperor of China. Sutton. ISBN 978-0-7509-3960-7. p. 158.
  6. ^ "水經注/19 - 维基文库,自由的图书馆". zh.wikisource.org (biċ-Ċiniż). Miġbur 2021-09-11.
  7. ^ Portal, Jane (2007). The First Emperor: China's Terracotta Army. Harvard University Press. ISBN 978-0-674-02697-1. p. 17.
  8. ^ Portal, Jane (2007). The First Emperor: China's Terracotta Army. Harvard University Press. ISBN 978-0-674-02697-1. p. 202.
  9. ^ "水經注/19 - 维基文库,自由的图书馆". zh.wikisource.org (biċ-Ċiniż). Miġbur 2021-09-11.
  10. ^ "Chinese Text Project Dictionary". ctext.org (bl-Ingliż). Miġbur 2021-09-11.
  11. ^ "Chinese Text Project Dictionary". ctext.org (bl-Ingliż). Miġbur 2021-09-11.
  12. ^ "Royal Chinese treasure discovered" (bl-Ingliż). 2005-10-20. Miġbur 2021-09-11.
  13. ^ Agnew, Neville (3 August 2010). Conservation of Ancient Sites on the Silk Road. Getty Publications. p. 214. ISBN 978-1606060131.
  14. ^ Glancey, Jonathan. "The army that conquered the world". www.bbc.com (bl-Ingliż). Miġbur 2021-09-11.
  15. ^ Clements, Jonathan (18 January 2007). The First Emperor of China. Sutton. ISBN 978-0-7509-3960-7. pp. 155, 157, 158, 160–161, 166.
  16. ^ "Archaeologist Who Uncovered China's 8,000-Man Terra Cotta Army Dies At 82". NPR.org (bl-Ingliż). Miġbur 2021-09-11.
  17. ^ "Must see attractions in Xi'an, China". Lonely Planet (bl-Ingliż). Miġbur 2021-09-11.
  18. ^ "Discoveries May Rewrite History of China's Terra-Cotta Warriors". History (bl-Ingliż). 2016-10-12. Miġbur 2021-09-11.
  19. ^ "34°22'52.7"N 109°15'13.1"E". 34°22'52.7"N 109°15'13.1"E (bl-Ingliż). Miġbur 2021-09-11.
  20. ^ Clements, Jonathan (18 January 2007). The First Emperor of China. Sutton. ISBN 978-0-7509-3960-7. p. 160.
  21. ^ "Categories - All 4". www.channel4.com. Miġbur 2021-09-11.
  22. ^ "Application of geographical methods to explore the underground palace of the Emperor Qin Shi Huang Mausoleum".
  23. ^ Ball, Philip (2003-11-27). "Terracotta Army saved from crack up". Nature (bl-Ingliż).
  24. ^ Larmer, Brook (June 2012). "Terra-Cotta Warriors in Color". National Geographic. p. 86.
  25. ^ "The Necropolis of the First Emperor of Qin - Excerpt from lecture in History 1420: Ancient China". web.archive.org. 2011-11-20. Arkivjat mill-oriġinal fl-2011-11-20. Miġbur 2021-09-11.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  26. ^ "Ledderose-A Magic Army For The Emperor | PDF | Ancient History | Army". Scribd (bl-Ingliż). Miġbur 2021-09-11.
  27. ^ "The Mausoleum of the First Emperor of the Qin Dynasty and Terracotta Warriors and Horses". www.china.org.cn. Miġbur 2021-09-11.
  28. ^ Portal, Jane (2007). The First Emperor: China's Terracotta Army. Harvard University Press. ISBN 978-0-674-02697-1.
  29. ^ "China unearths 114 new Warriors" (bl-Ingliż). 2010-05-12. Miġbur 2021-09-11.
  30. ^ "Terracotta Army Accessory Pits, Qin Shi Huang Mausoleum, Xi'an". www.travelchinaguide.com. Miġbur 2021-09-11.
  31. ^ The Terra Cotta Warriors. National Geographic Museum. p. 27.
  32. ^ Cotterell, Maurice (June 2004). The Terracotta Warriors: The Secret Codes of the Emperor's Army. Inner Traditions Bear and Company. pp. 105–112. ISBN 978-1591430339.
  33. ^ Cotterell, Maurice (June 2004). The Terracotta Warriors: The Secret Codes of the Emperor's Army. Inner Traditions Bear and Company. pp. 103–105. ISBN 978-1591430339.
  34. ^ "Terracotta army emerges in its true colors". www.chinadaily.com.cn. Miġbur 2021-09-11.
  35. ^ a b Larmer, Brook. "Terra-Cotta Warriors in Color". National Geographic. pp. 74–87.
  36. ^ Imperial Tombs of China. Lithograph Publishing Company. 1995. p. 76.
  37. ^ "Early links with West likely inspiration for Terracotta Warriors, argues SOAS scholar | SOAS University of London". www.soas.ac.uk (bl-Ingliż). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2021-01-16. Miġbur 2021-09-11.
  38. ^ Nickel, Lukas. "The First Emperor and sculpture in China". Bulletin of the School of Oriental and African Studies (bl-Ingliż). 76 (3): 413–447.
  39. ^ "Western contact with China began long before Marco Polo, experts say" (bl-Ingliż). 2016-10-12. Miġbur 2021-09-11.
  40. ^ "Ancient Greeks may have built China's 2,200-year-old Terracotta Army". The Independent (bl-Ingliż). 2016-10-13. Miġbur 2021-09-11.
  41. ^ Hanink, Johanna; November 2016, Felipe Rojas Silva 20 (2016-11-20). "Why China's Terracotta Warriors Are Stirring Controversy". livescience.com (bl-Ingliż). Miġbur 2021-09-11.
  42. ^ Silva, Felipe Rojas; Hanink, Johanna. "Why there's so much backlash to the theory that Greek art inspired China's Terracotta Army". The Conversation (bl-Ingliż). Miġbur 2021-09-11.
  43. ^ "Chinese archaeologist refutes BBC report on Terracotta Warriors - China - Chinadaily.com.cn". www.chinadaily.com.cn. Miġbur 2021-09-11.
  44. ^ "Lothar Ledderose, "A Magic Army for the Emperor"". web.archive.org. 2011-11-28. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2011-11-28. Miġbur 2021-09-11.
  45. ^ Portal, Jane (2007). The First Emperor: China's Terracotta Army. Harvard University Press. ISBN 978-0-674-02697-1.
  46. ^ "Top 10 Weapons of Terracotta Army". www.travelchinaguide.com. Miġbur 2021-09-11.
  47. ^ Marcos Martinón-Torres; Xiuzhen Janice Li; Andrew Bevan; Yin Xia; Zhao Kun; Thilo Rehren (2011). "Making Weapons for the Terracotta Army". Archaeology International. 13: 65–75.
  48. ^ Pinkowski, Jennifer (2012-11-26). "Chinese terra cotta warriors had real, and very carefully made, weapons" (bl-Ingliż). Miġbur 2021-09-11.
  49. ^ "Terracotta Warriors, Terracotta Army China, Xian Terracotta Warriors Tours, Terra cotta Soldiders, Terracotta Warriors Photos, Pictures, Reviews of Terracotta Warriors Tour". www.chinatourguide.com. Miġbur 2021-09-11.
  50. ^ Zhewen Luo (1993). China's imperial tombs and mausoleums. Foreign Languages Press. p. 102. ISBN 978-7-119-01619-1.
  51. ^ Martinón-Torres, Marcos; Li, Xiuzhen; Xia, Yin; Benzonelli, Agnese; Bevan, Andrew (2019-04-04). "Surface chromium on Terracotta Army bronze weapons is neither an ancient anti-rust treatment nor the reason for their good preservation". Scientific Reports (bl-Ingliż). 9 (1).
  52. ^ "The First Emperor – China's Terracotta Army – Teacher's Resource Pack" (PDF).
  53. ^ a b Centre, UNESCO World Heritage. "Mausoleum of the First Qin Emperor". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-09-11.
  54. ^ "Terracotta army coming to Malta". Times of Malta (bl-Ingliż). Miġbur 2021-09-11.
  55. ^ "Terracotta warriors 'invade' Valletta". Times of Malta (bl-Ingliż). Miġbur 2021-09-11.
  56. ^ "Silent Warriors – the Chinese terracotta soldiers - The Malta Independent". www.independent.com.mt. Miġbur 2021-09-11.