Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) huwa korp konsultattiv tal-UE magħmul minn rappreżentanti ta' organizzazzjonijiet tal-ħaddiema u ta' min iħaddem u gruppi oħra ta' interess. Huwa joħroġ opinjonijiet dwar kwistjonijiet tal-UE lill-Kummissjoni Ewropea, lill-Kunsill tal-UE u lill-Parlament Ewropew, u b’hekk jaġixxi bħala pont bejn l-istituzzjonijiet tal-UE li jieħdu d-deċiżjonijiet u ċ-ċittadini tal-UE.[1]

Jagħti lil gruppi ta’ interess leħen formali dwar il-proposti leġiżlattivi tal-UE. It-3 kompiti ewlenin tiegħu huma li:[1]

  • jiżgura li l-politika u l-liġi tal-UE huma mmirati lejn il-kundizzjonijiet ekonomiċi u soċjali billi jfittex kunsens li jaqdi l-ġid komuni
  • jippromwovi UE parteċipattiva billi jagħti leħen lill-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema u ta' min iħaddem u gruppi oħra ta' interess u billi jiżgura djalogu magħhom
  • jippromwovi l-valuri tal-integrazzjoni Ewropea, u jiffavorixxi l-kawża ta' demokrazija parteċipattiva u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

Il-membri tal-KESE jirrappreżentaw il-varjetà tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fl-Ewropa kollha, inklużi n-negozji, it-trade unions u interessi oħra. Huma nnominati mill-gvernijiet nazzjonali u maħtura mill-Kunsill tal-UE għal-terminu ta' 5 snin li jista' jiġġedded. L-għadd ta' membri għal kull pajjiż jiddependi mill-popolazzjoni ta' dak il-pajjiż.[1]

Il-KESE jeleġġi l-President tiegħu u żewġ Viċi Presidenti għal terminu ta' sentejn u nofs. Il-membri jappartjenu għal wieħed minn 3 gruppi: min iħaddem, ħaddiema, gruppi oħra ta’ interess (eż. bdiewa, konsumaturi).[1]

Il-KESE huwa kkonsultat mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-UE u l-Kummissjoni Ewropea dwar varjetà ta' suġġetti. Joħroġ ukoll opinjonijiet fuq l-inizjattiva tiegħu.[1]

Il-membri jaħdmu għall-UE, indipendentement mill-gvernijiet tagħhom. Huma jiltaqgħu 9 darbiet fis-sena. L-opinjonijiet huma adottati b’vot ta’ maġġoranza sempliċi.[1]

Il-laqgħat huma ppreparati mit-taqsimiet speċjalizzati tal-KESE u mill-kummissjoni konsultattiva dwar il-bidliet industrijali. Il-gruppi ta' riflessjoni speċjalizzati tal-KESE (magħrufa bħala l-'osservatorji') u l-kumitat ta' tmexxija ta' Ewropa 2020 jimmonitorjaw il-progress tal-istrateġiji tal-UE.[1]

Il-KESE jżomm kuntatt mal-kunsilli ekonomiċi u soċjali reġjonali u nazzjonali madwar l-UE - l-aktar biex jaqsam l-informazzjoni u jiddiskuti kwistjonijiet partikolari.[1]

Referenzi

immodifika
  1. ^ a b ċ d e f ġ g Kumitat Ewropew tar-Reġjuni