George Abela
L-Avukat George Abela (Qormi, 22 ta' April 1948) kien it-tmien President tar-Repubblika ta' Malta. Huwa kien ukoll Deputat Mexxej tal-Partit Laburista.
George Abela | |||
---|---|---|---|
4 April 2009 - 4 April 2014 ← Eddie Fenech Adami - Marie Louise Coleiro Preca → | |||
Ħajja | |||
Twelid | Ħal Qormi, 22 April 1948 (76 sena) | ||
Nazzjonalità | Malta | ||
Familja | |||
Konjuga/i | Margaret Abela (1976 - | ||
Ulied |
uri | ||
Edukazzjoni | |||
Alma mater | Università ta' Malta | ||
Okkupazzjoni | |||
Okkupazzjoni | politiku | ||
Premjijiet |
List
|
“ Irrid inkun simbolu ta' għaqda u nilqa din il-ħatra b'umiltà u gratitudni. ”
—George Abela f'jum il-ħatra tiegħu bħala President
George Abela twieled f'Ħal Qormi għand George u Ladgarda mwielda Debono. Huwa attenda l-iskola primarja ta' Ħal Qormi stess u kompla bl-edukazzjoni sekondarja tiegħu fil-Liċew tal-Ħamrun. Fl-1965 daħal fl-Università ta' Malta, fejn ġab il-Baċellerat tal-Arti. Hu kompla l-istudji tiegħu u sar nutar pubbliku, imbagħad, fl-1975, hu ggradwa bħala avukat. Il-General Workers' Union ħatritu bħala l-konsulent legali tagħha, u fil-25 sena li qatta' ma' din l-unjin kiseb esperjenza konsiderevoli fid-drittjiet tal-ħaddiema.
Ħidma sportiva
immodifikaFl-1982, wara li serva bħala president ta' Qormi FC, hu kien magħżul bħala ċ-ċermen tal-Malta Football Association. Fl-MFA għamel bidliet kbar, u tejjeb l-infrastruttura, fejn ġew mibnija grawnds għat-taħriġ, ġinnasju, u klinika tal-fiżjoterapija, waqt li ġie installat dawl artifiċjali. Il-plejers tat-tim nazzjonali tal-futbol ta' Malta kienu ngaġġati għat-taħriġ għall-ewwel darba fuq bażi professjonali.
Politika
immodifikaWara għaxar snin fl-MFA, fl-1992, hu ħalla l-kariga li kellu u ħa l-irwol ta' Deputat Kap responsabbli tal-Affarijiet tal-Partit fi ħdan il-Partit Laburista. Wara r-rebħa elettorali tal-partit fl-1996, hu ġie appuntat mill-Prim Ministru l-ġdid, Alfred Sant, konsulent legali u b'hekk beda jattendi s-seduti tal-kabinett. Hu irriżenja minn postu fl-1997 wara dissens mal-Prim Ministru Alfred Sant. Fl-1998 ma baqax attiv fil-PL, minħabba nuqqas ta' ftehim wara d-deċiżjoni meħuda mid-delegati fil-konferenza ġenerali tal-partit li jsejħu elezzjoni bikrija li kienet mifuhma li kienet neċessarja minħabba li f'dak il-perjodu kien hemm kriżi parlamentari. Fis-sena 2000 hu spiċċa sfavorit fl-amministrazzjoni tal-General Workers' Union u uffiċjalment ma' baqax mal-organizzazzjoni.
Mill-2000 'il quddiem hu beda jiffoka fuq il-prattika legali privata tiegħu, fejn ħadem bħala konsulent legali għal diversi entitajiet tal-gvern, fosthom mal-Awtorità tal-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) u l-Malta European Union Steering Action Committee (MEUSAC). Din, flimkien mal-kritika pubblika persistenti lejn l-Unjin, wasslet għall-istampa biex tispeluka fuq affinità ġdida ta' Abela lejn l-amministrazzjoni Nazzjonalista, partikularment lejn il-Prim Ministru ta' dak iż-żmien, Edward Fenech Adami, u l-Ministru tal-Kabinett Austin Gatt. Dawn l-ispekulazzjonijiet dehru influwenti fil-ġirja għall-kap tal-Partit Laburista tal-2008.[1][2]
Hu kkontesta l-elezzjoni għall-kap il-ġdid tal-Partit Laburista wara r-riżenja ta' Alfred Sant fl-2008, flimkien ma' Evarist Bartolo, Marie Louise Coleiro Preca, Joseph Muscat u Michael Falzon. Nhar is-6 ta' Ġunju 2008, minħabba li ebda kandidat ma kiseb il-50% u vot biex jiġi elett bħala l-kap tal-partit, kellha issir it-tieni rawnd ta' votazzjoni bejn l-aktar żewġ kandidati li ġabu voti. Fl-ewwel rawnd, Joseph Muscat kiseb 435 vot, waqt li Abela kiseb 200 vot mit-875 vot validu.[3] Abela tilef il-konfront elettorali ma' Joseph Muscat meta dan tal-aħħar kiseb total ta' 574 vot (66.36%) waqt li George Abela ġab 291 (33.64%).[4] Il-kap il-ġdid Joseph Muscat stieden lil Abela biex jipparteċipa fl-affarijiet tal-partit taħt il-gwida l-ġdida, u Abela ġie maħtur bħala r-rappreżentant tal-Partit Laburista fil-Malta-EU Steering Action Committee (MEUSEC).
President ta' Malta
immodifikaNhar it-12 ta' Jannar 2009, il-Prim Ministru Lawrence Gonzi ħabbar li l-Gvern kien ippropona lil George Abela bħala l-President suċċessiv ta' Malta. Hu kellu jkun is-suċċessur ta' Eddie Fenech Adami li l-ħames snin li kellu fl-irwol ta' President ta' Malta kienu se jiskadu fl-4 ta' April 2009.[5] Din hi l-ewwel darba fl-istorja ta' Malta li gvern innomina President li ġej mill-partit li jinsab fl-Oppożizzjoni. Il-Kamra tad-Deputati wriet qbil unanimu fl-elezzjoni interna li saret għall-kandidatura ta' Abela bħala President, u din kienet l-ewwel darba wkoll li l-Parlament espressa kunsens fuq kandidatura għal President mill-1974. Il-voti finali kienu ta' 26 favur u 2 kontra.
Nhar l-4 ta' April 2009, George Abela ġie maħtur bħala t-tmien President tar-Repubblika ta' Malta, wara quddiesa solenni kkonċelebrata mill-Arċisqof ta' Malta, Mons. Pawlu Cremona fil-Kon-Katidral ta' San Ġwann fil-Belt Valletta.[6] Fil-Palazz Presidenzjali, fil-preżenza tal-Ispiker tal-Kamra tar-Rappreżentanti, Louis Galea, u l-Prim Ministru, Lawrence Gonzi, Abela wiegħed li "jikkonserva, iħares u jiddefendi l-Kostituzzjoni ta' Malta".[7]
Inizjattivi ġodda
immodifikaAbela beda inizjattivi ġodda fosthom il-Forum tal-President li iddiskuta fi tliet sessjonijiet ir-Riforma Kostituzzjonali. Huwa beda ukoll il-Premju tal-President għall-Kreattività li għandu l-għan li jgħin fl-iżvilupp ta' talenti ġodda u fit-tkattir ta' ħidma marbuta ma' proġetti tal-arti li jimpenjaw lit-tfal u ż-żgħażagħ fil-komunità. Hemm tliet programmi marbuta mal-Premju- Tfal, Żgħażagħ u Komunità.
Mill-2011, fl-aħħar ta' kull sena beda jingħata l-Premju tal-President għall-volontarjat. Ġie mwaqqaf kumitat mmexxi mill-President Emeritus Ugo Mifsud Bonnici, flimkien ma' Anna Bonanno, Dr. Nigel Camilleri u Dr. Andrew Azzopardi li fasslu kriterji u regoli għal dan il-premju tal-Volontarjat, taħt il-Patroċinju tal-President Abela bis-segratarja Darleen Zerafa.
Community Chest Fund
immodifikaIl-President Abela sa mill-2009 ried li l-manifestazzjoni nazzjonali tal-Istrina terġa' tibda ssir mingħajr rigali kif fil-fatt seħħ. Beda inizjattivi ġodda bħal Rockestra, President's Run, il-ftuħ tal-kitchen garden b'donazzjoni għall-Malta Community Chest Fund, attivitajiet il-Verdala miftuħin għall-pubbliku u b'donazzjoni għall-pazjenti bil-kanċer, attivitajiet fil-Palazz ta' San Anton, u diversi inizjattivi oħra.
Relazzjoni mal-Gvern Laburista
immodifikaFl-aħħar sena tal-Presidenza tiegħu, Abela ra bidla fl-amministrazzjoni. Wara 15-il sena ta' gvernijiet immexxija mill-Partit Nazzjonalista, Joseph Muscat għamel rebħa storika kbira għall-Partit Laburista. Biex ma jiġix impinġi ma' naħa jew ma' oħra, Abela għażel li ma joħroġx ixejjer mal-gallarija flimkien mal-Prim Ministru Muscat wara li dan ħa l-ġurament tal-ħatra.
Mill-ewwel inqalgħet polemika meta l-President George Abela għamel id-"Diskors tat-Tron" li bih fetaħ il-Parlament, diskors li jkun miktub mill-Prim Ministru tal-ġurnata. Xi uħud ħassewh wisq partiġġjan. Wara dan id-diskors, Abela sostna li l-President għandu jiddistakka ruħu mill-politika u għalhekk kien se jipproponi tibdil għad-diskors tat-tron, fil-bidu tal-leġislatura. Sostna li filwaqt li d-diskors għandu jibqa’ jsir, dan għandu jinkiteb mill-President innifsu filwaqt li jiffoka fuq ir-raġunijiet għalfejn għandu jinfetaħ il-Parlament. U mbagħad il-pjanijiet għal-leġislatura li jkun imiss għandhom jinqraw mill-Prim Ministru nnifsu.
Lejn l-aħħar tal-Presidenza tiegħu, Abela ma ffirmax liġi li ressaq Gvern Laburista li kienet tippermetti li koppji tal-istess sess jaddottaw trabi. Dik il-liġi mbagħad iffirmata l-President Marie Louise Coleiro Preca.
Familja
immodifikaAbela iżżewweġ lil Margaret née Cauchi, mill-Belt Valletta, fit-23 ta' Mejju 1976. Għandhom żewġt itfal, Robert li huwa avukat, u Maria li ggradwat mill-Università ta' Malta u tispeċjalizza fil-kant liriku fil-Conservatorio Giuseppe Verdi ġewwa Milan, l-Italja.[8]
Fi Frar 2010 Lydia Abela, mart iben il-President George Abela saret is-segretarju eżekuttiv tal-Partit Laburista. Robert Abela, bin il-President, kellu sehem attiv fl-Elezzjonijiet Ġenerali 2013 u tkellem f'attivitajiet tal-massa tal-Partit Laburista.
Referenzi
immodifika- ^ "George Abela willing to contest MLP leadership election" (bl-Ingliż). Times Of Malta. 2008-03-14. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2008-03-20. Miġbur 2009-04-04.
- ^ "George Abela officially announces leadership bid" (bl-Ingliż). MaltaMedia. 2008-04-13. Miġbur 2009-04-04.
- ^ "MLP elections go for run off between Abela and Muscat" (bl-Ingliż). MaltaMedia. 2008-06-06. Miġbur 2009-04-04.
- ^ "Dr Joseph Muscat elected new MLP leader" (bl-Ingliż). MaltaMedia. 2008-06-06. Miġbur 2009-04-04.
- ^ "George Abela favourite to become next President" (bl-Ingliż). Times Of Malta. 2009-01-10. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2009-01-23. Miġbur 2009-04-04.
- ^ "George Abela to be sworn in as President today" (bl-Ingliż). Malta Independent. 2009-04-04. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2011-09-15. Miġbur 2009-04-04.
- ^ "New President hopes unity shown in his appointment will blossom" (bl-Ingliż). Times Of Malta. 2009-04-04. Miġbur 2009-04-04.
- ^ "Biography - The new President" (bl-Ingliż). Times Of Malta. 2009-04-04. Miġbur 2009-04-04.
Ħoloq esterni
immodifika- Profil fuq is-sit uffiċjali tal-President ta' Malta
Predeċessur Joe Debono Grech |
Deputat Mexxej tal-Partit Laburista 1992 – 1998 |
Suċċessur |
Predeċessur Eddie Fenech Adami |
President ta' Malta 2009 – 2014 |
Suċċessur |